Lokali

90 immigrant irregolari jiddaħħlu Malta tard ilbieraħ filgħaxija

Madwar 90 immigrant irregolari, fosthom ħames nisa, kienu salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) tard ilbieraħ filgħaxija wara li sabu ruħhom f’diffikultajiet f’nofs ta’ baħar. Stqarrija tal-FAM qalet li d-dgħajsa bl-immigranti fuqha ntlemħet madwar 25 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta ta’ Għawdex, meta dawk abbord talbu l-assistenza.

Hekk kif id-dgħajsa bl-immigranti ġiet lokalizzata, il-FAM bagħtu fl-inħawi bastiment li kien fuq ronda, kif ukoll il-Patrol Boat P61 biex janalizzaw is-sitwazzjoni. Hekk kif is-suldati tal-Iskwadra Marittima waslu fil-post, l-immigranti ttellgħu abbord il-bastimenti tal-FAM minħabba li kienu f’diffikultà.

L-immigranti ddaħħlu fil-bażi tal-Iskwadra Marittima f’Xatt it-Tiben għall-ħabta tal-11pm. Hemm sabu tim mediku jistenniehom biex jagħtihom l-assistenza. Fil-post marru wkoll Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tal-Pulizija, li skortaw lill-immigranti lejn iċ-ċentri ta’ detenzjoni.

Fl-aħħar jiem, fil-Mediterran, kien hawn mewġa ta’ dgħajjes mimlija bl-immigranti li qasmu mill-Afrika lejn l-Ewropa. Fl-Italja biss iddaħħlu madwar 2,300 immigrant irregolari.