Issa teżisti konferma tal-aħbar li xandar MaltaRightNow.com il-ġimgħa li għaddiet, li l-Ispiżjara li jħaddmu s-sistema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) qed jitpoġġew taħt pressjoni biex jagħtu trattament preferenzjali lil pazjenti tal-qalba. Il-konferma ġejja mill-Kamra tal-Ispiżjara stess, li ġimgħa ilu l-uffiċjali tagħha rrifjutaw li jikkonfermaw jekk jafux b’dawn l-abbużi.
Fl-14 ta’ Marzu li għadda, fl-istess jum li żvelajna l-pressjoni li għaddejjin minnha l-Ispiżjara, il-Kamra tal-Ispiżjara kellha laqgħa ma’ uffiċjali tal-Ministeru tas-Saħħa, li matulha tqajjem dan is-suġġett. F’ċirkolari dwar din il-laqgħa, il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa wiegħed li se jwaqqaf din il-prattika b’mod immedjat.
Fl-istess ċirkolari, il-Kamra tal-Ispiżjara ħarġet direttiva biex l-Ispiżjara jirrappurtaw kull każ meta joħorġu struzzjonijiet ħalli pazjenti partikolari jingħataw preferenza fit-tqassim tal-mediċini taħt is-sistema tal-POYC u li għandhom ikomplu jqassmu l-mediċini b’mod ekwu u fuq bazi ta’ first-come-first-served.
Ġimgħa ilu, żvela kif numru ta’ Spiżjara lmentaw online dwar prattika li qed tiġri ta’ spiss u li fiha pazjenti jkunu nfurmati minn xi Ministeru jew mill-POYC stess li l-mediċina se tasal fl-Ispiżerija. Meta jiġi l-pazjent biex jiġbor il-mediċini li mingħalih kienu riservati għalih, f’ħafna każi dan isib li l-Ispiżjar ikun diġà qassamhom. Konsegwenza ta’ dan, l-Ispiżjara qed jispiċċaw fil-mira tal-persuni li jkunu ppretendew li jieħdu preċedenza fuq oħrajn għax ikollhom kuntatt fil-Ministeru jew fil-POYC.
Minbarra li l-Ispiżjara qed jiffaċċjaw ir-rabja ta’ pazjenti li jħossuhom aktar intitolati minn oħrajn, kien hemm anke każi partikolari fejn Spiżjara rċeviet telefonata mill-POYC biex jgħidulha li l-istock li ngħatat kienet għal pazjenta partikolari. Meta konna ppruvajna naqbdu lill-President tal-Kamra tal-Ispiżjara, hi rrifjutat li tikkonferma b’sempliċi iva jew le jekk il-Kamra tafx b’din is-sitwazzjoni. Hi kienet baqgħet tinsisti li nibgħatulha mistoqsijiet bil-miktub.
Iżda issa jirriżulta li mhux biss il-Kamra tal-Ispiżjara kienet taf b’dak li kien għaddej, iżda li dakinhar stess li xxandret l-aħbar, il-Kamra tal-Ispiżjara kellha laqgħa mal-Ministeru tas-Saħħa propju dwar dan.
//= $special ?>