Editorjal

Editorjal: Prim Ministru li mhux lest jisma’

Il-kwistjoni dwar it-tanker kbir tal-gass li l-Prim Ministru Joseph Muscat irid jankra b’mod permanenti f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk fiha l-element bażiku ta’ gvern li gideb lin-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta qabel l-elezzjoni biex joħdilhom il-vot u oppożizzjoni li qed tagħti leħen u għażliet differenti lil dawn in-nies.

Muscat jipprova jidħaq bin-nies f’wiċċhom
Joħroġ ċar kif Muscat jipprova jidħaq bin-nies f’wiċċhom: sena ilu ma qalx lin-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta li kien se jankra tanker kbir tal-gass f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk. Muscat issa qed jgħid li hemm aktar periklu bit-tanker ankrat barra fil-baħar – min jista’ jemminha din? Ipprova jidħaq bin-nies f’wiċċhom anke f’Xarabank jgħid li fejn se jkun it-tanker tal-gass mhux fl-istess port mal-Freeport u Birżebbuġa.

Il-Partit Nazzjonalista qed jirrappreżenta n-nies tan-nofsinhar ta’ Malta
Din hi zona mdawra minn erba’ distretti fejn il-Labour tella’ erbgħa minn kull wieħed minnhom u fil-lokalitajiet kollha tal-inħawi l-Labour għandu maġġoranza kbira fil-kunsilli lokali u s-sindku. Imma hi l-oppożizzjoni Nazzjonalista li qed tagħti leħen lin-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta. Deputata waħda biss tal-Labour, Marlene Farrugia, tkellmet favur in-nies tal-inħawi. U l-Partit Nazzjonalista se jirrappreżentahom anke bil-protesta pubblika pitgħada l-Ħadd filgħodu fil-pjazza ta’ Marsaxlokk.

Muscat lanqas biss kellu d-diċenza jidħol jisma’ lil Marlene Farrugia
F’din il-kwistjoni, hi l-oppożizzjoni wkoll li qed tisma’ lill-esperti u lill-għaqdiet ambjentali li qed iwissu dwar is-sogru ta’ tanker eżatt ħdejn power station. U qed tisma’ u ssemma’ leħen il-91 fil-mija tan-nies li qed jgħidu li t-tanker kbir tal-gass għandu jitpoġġa fejn ma jkun ta’ sogru għal ħadd. Muscat, min-naħa tiegħu, lanqas kellu d-diċenza jidħol għad-dibattitu fil-Parlament imqar jisma’ lid-Deputata tiegħu stess Marlene Farrugia, aħseb u ara lill-91 fil-mija tan-nies tan-nofsinhar ta’ Malta.

Il-bilanċ u l-għaqal li nitgħallmu mill-esperjenza ta’ ħaddieħor
L-oppożizzjoni qed tappella għall-bilanċ u l-għaqal: studji dettaljati, indipendenti u serji li jkunu ppubblikati sħaħ, mhux il-ħabi li qed jagħmel il-gvern. Qed tappella biex nifhmu x’inhuma r-riskji u nitgħallmu mill-esperjenza ta’ ħaddieħor għax ir-riskji fi proġetti bħal dawn, żgħar kemm huma żgħar, ikunu enormi jekk iseħħu. Ċipru kien pajjiż li Muscat kien jieħdu bħala mudell imma kellhom ħażna ta’ armi ħdejn power station u kienu jgħidu li r-riskji kienu żgħar imma, meta seħħew, spiċċaw bla power station u bla dawl għal xhur sħaħ, waħda mir-raġunijiet għall-falliment ta’ Ċipru.

Alternattivi li faċilment jistgħu jitwettqu
L-opppożizzjoni qed tagħti wkoll alternattivi: li t-tanker bil-gass jitpoġġa ‘l barra fil-baħar barra l-Bajja ta’ Marsaxlokk. F’Livorno, l-Italja, qegħduh ‘il barra f’bogħod daqs kemm hi ‘l bogħod il-Mellieħa minn Marsaxlokk. U idealment lanqas dan ma jkun hemm bżonn għax il-gass jinġieb bil-pipeline li diġà kien qed jaħdem fuqu l-gvern Nazzjonalista biex iġib l-elettriku u anke l-gass dirett minn Sqallija b’fondi Ewropej.

In-nies tal-inħawi għandhom dritt għad-difiża tal-interessi tagħhom
Dan hu x’qed turi dil-kwistjoni: Muscat gideb lin-nies tan-nonfsinhar ta’ Malta biex joħdilhom il-vot u issa ma jrid jisma’ b’xejn, lanqas minn Deputata tiegħu stess; hi l-oppożizzjoni qed tisma’ lill-esperti u qed tagħti għażliet differenti u leħen lin-nies tal-inħawi li għandu jkollhom min jiddefendihom minn dawn ir-riskji bla bżonn.