Ekonomija

Ġimgħa tajba ferm għall-ishma fis-swieq finanzjarji Ewropej

Jidher li din kienet l-aħjar ġimgħa tas-sena s’issa għall-ishma fis-swieq finanzjarji Ewropej. Jidher li dawn iċ-ċifri qed ineħħu l-inċertezza li setgħet tikkawża s-sitwazzjoni preżenti fil-Krimea, li issa ġiet maħtufa mir-Russja. Madankollu, l-indiċi finanzjarji internazzjonali għadhom ma qabdux ir-ritmu pożittiv li rajna fis-sena li għaddiet. Fl-2013 konna rajna żidiet kostanti u b’saħħithom. S’issa, matul din is-sena, rajna li l-prezzijiet bejn wieħed u ieħor żdiedu bi ftit minn kif kienu lejn l-aħħar tal-2013.

Kienet ġimgħa pożittiva ferm għall-kumpanija Ryanair, li rat żieda ta’ kważi 4% fil-prezz tal-ishma tagħha. Statistika negattiva dwar iċ-Ċina fl-aħħar ġimgħat waslet biex il-Gvern Ċiniż jindika li se jieħu miżuri biex jgħin lill-ekonomija. Dan wassal biex l-ishma tal-kumpaniji ta’ minjieri jiżdiedu fil-prezz u jirkupraw ftit mit-telf tal-aħħar ġimgħat.

B’mod ġenerali l-ishma tal-aktar 50 kumpanija b’saħħithom fl-Ewropa żdiedu b’madwar 3% fil-valur tagħhom matul din il-ġimgħa. Dan il-progress kien reġistrat minkejja il-kriżi li għaddejja bħalissa wara li referendum fil-Krimea, reġjun fl-Ukrajna, wassal biex ir-Russja tinkludieh fil-mappa tagħha. Diversi sanzjonijiet mill-Istati Uniti u l-Ewropa kontra r-Russja daħlu fis-seħħ, bir-Russja tirrispondi b’sanzjonijiet oħra simili.

Bosta analisti jbassru li dawn is-sanzjonijiet jistgħu jiżdiedu fil-jiem li ġejjin, bin-negozji Ġermaniżi l-aktar li jistgħu jsofru minnhom minħabba li jesportaw ħafna lejn ir-Russja. Aktar minn 6,000 kumpanija Ġermaniża tesporta lejn ir-Russja, filwaqt li l-Ġermanja timporta 30% taż-żejt u gass mir-Russja. L-indiċi tal-borża Russa kompla nieżel fil-valur tiegħu. L-Istati Uniti għamlet ukoll sanzjonijiet fuq il-ħames l-akbar bank Russu, filwaqt li ħarġet storja fil-pubbliku li l-President Putin għandu nteressi f’kumpanija reġistrata l-Isvizzera li tinnegozja biljuni ta’ dollari f’żejt u gass kull sena.

Diversi analisti stqarrew fil-pubbliku li jidher li ħafna nvestituri qed inaqqsu l-fondi mill-hekk imsejħa swieq emerġenti u jgħaddu dawn il-flus fl-Ewropa, hekk kif diversi kumpaniji Ewropej qed itejbu r-riżultati tagħhom. Dan wassal ukoll biex il-prezz tal-bonds fl-Ewropa baqa’ wieħed għoli.

Kompla jikber l-interess minn investituri internazzjonali biex jinvestu f’banek Griegi li se jiġu privatizzati fix-xhur li ġejjin. L-aġenzija Standard & Poor’s stqarret li tista’ ttejjeb il-grad tal-Greċja jekk ikompli jkun reġistrat titjib kif rajna fl-aħħar xhur. Kienet ukoll ġimgħa tajba għad-Dollaru Awstraljan, li ssaħħaħ ma’ bosta muniti. Wara eżami li sar mill-Bank Federali Amerikan, 29 bank minn 30 għaddew mill-hekk imsejjaħ stress test, jiġifieri test li fih jiġi eżaminat il-kapital u l-assi tal-bank. Hekk kif diversi muniti ta’ pajjiżi emerġenti komplew jiddgħajfu, il-kumpanija Nike rat telf ta’ 3% fil-prezz tal-ishma tagħha. Il-kumpanija Ngliża Tesco se tidħol fis-suq Indjan, suq meqjus bħala enormi.

Din ir-rokna hi miġjuba lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, tel: 21493250.