Is-sitwazzjoni fl-Ukrjana, illum kienet iddominata mill-iffirmar ta’ żewġ ftehim li qed ifasslu l-istorja politika tal-pajjiż. Il-President Russu Vladimir Putin iffirma t-Trattat biex il-Krimea tingħaqad mal-Federazzjoni Russa. Fl-istess jum, l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehim mat-tmexxija temporanja tal-Ukrajna biex l-Ukrajna tingħata appoġġ ekonomiku u politiku.
Il-ftehim tal-lum jinkludi partijiet mill-ftehim li kien mistenni jiffirma l-eks President tal-Ukrajna Viktor Yanucovych u li meta ma ffirmahx, f’Novembru li għadda, faqqgħet kriżi politika fil-pajjiż. Il-parti l-aktar sensittiva dwar l-integrazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Ukrajna għadha ma ġietx iffirmata. Il-partijiet mhux iffirmati mistennija jsir qbil fuqhom wara l-elezzjoni Presidenzjali tal-Ukrajna, li se ssir fil-25 ta’ Mejju.
Illum ukoll, l-UE u r-Russja ħabbru wkoll sensiela ġdida ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja minħabba l-kriżi tal-Krimea. Herman van Rompuy qal li jekk Moska tkompli b’dan l-aġir, kien se jkun hemm aktar konsegwenzi. Is-Summit tal-UE, li għalih hemm preżenti wkoll il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, iddiskuta wkoll il-kompettività, l-enerġija u l-bidla fil-klima.
//= $special ?>