Fil-25 ta’ Marzu 2014, il-Bank Ċentrali ta’ Malta se joħroġ munita tad-deheb li turi z-zecchino. Il-munita għandha valur nominali ta’ €5.
Iz-zecchino kienet munita tad-deheb li nħadmet l-ewwel darba f’Venezja fl-1284, u ġabet l-isem tagħha miz-zekka Venezjana li kienet magħrufa bħala z-‘zecca’. Il-munita, li kienet tiżen 3.5 grammi, kienet maħduma mid-deheb kważi pur. Għal aktar minn 500 sena, id-disinn tal-munita ma nbidilx. Għalhekk kienet meqjusa bħala munita stabbli u aċċettata bħala mezz ta’ ħlas. Minħabba f’hekk, ħafna pajjiżi, speċjalment dawk fil-Mediterran, adottaw u ħarġu muniti tad-deheb simili għaz-zecchino Venezjan.
Il-munita ġiet introdotta u maħduma f’Malta mill-Ordni ta’ San Ġwann. Normalment, naħa waħda kienet turi xbieha ta’ San Ġwann, il-qaddis patrun tal-Ordni, li qed jagħti bandiera lill-Gran Mastru li qiegħed għarkupptejh quddiemu; filwaqt li n-naħa l-oħra kienet turi l-figura ta’ Kristu bil-Vanġelu f’idejh.
Il-munita numiżmatika tad-deheb tal-Bank kienet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma f’verżjoni proof. Il-faċċata tal-munita turi l-emblema ta’ Malta u s-sena tal-ħruġ 2014. Il-faċċata ta’ wara turi zecchino maħruġ minn Philippe Villiers de l’Isle Adam, l-ewwel Gran Mastru tal-Ordni f’Malta.
Il-munita hi maħduma f’0.999 deheb fir-Royal Dutch Mint, tiżen nofs gramma u għandha dijametru ta’ 11 mm. L-istampar tagħha hu limitat għal 10,000 munita.
Il-munita tista’ tinxtara mill-Malta Coins Distribution Centre fil-bini ewlieni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ġewwa l-Belt Valletta, jew billi timtela l-formola li tinsab fuq is-sit tal-Bank.
Għal iżjed informazzjoni, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email fuq mcdc@centralbankmalta.org jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.
//= $special ?>