Ir-raba’ edizzjoni tal-Goalkeeper Battle din is-sena se ssir bejn l-24 u l-25 ta’ Mejju fil-Luxol Stadium. Din hi l-ewwel darba li din l-attività se ssir f’dan il-ground wara li l-edizzjonijiet preċedenti kienu saru fil-ground ta’ San San Ġwann u fl-Infetti f’Birkirkara.
Dettalji dwar dan ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-organizzaturi Mario Muscat u Simon Grech fil-preżenza ta’ Valeri Micallef, rappreżentanta ta’ Zemzem Foundation li se tkun qed tibbenefika minn donazzjoni ta’ 2 ewro tad-dħul għall-attività u parti mill-isponsors.
Din il-Fondazzjoni mwaqqfa s-sena l-oħra minn Mario Bonello tgħin persuni li jkunu qed ibatu bil-lewċemija.
Mario Muscat qal li għall-ftuħ tal-attività fl-24 ta’ Mejju se jkun preżenti goalkeeper ta’ fama mondjali u bħalissa qed jitkellmu ma’ Federico Marchetti ta’ Napoli, Samir Andanovic ta’ Inter jew Petr Cech ta’ Chelsea li ħadd minnhom m’hu se jkun impenjat fit-Tazza tad-Dinja. Huwa qal li fl-aħħar tliet edizzjoni ħadu sehem madwar 160 galkeeper kull darba u qed jistenna suċċess ieħor din is-sena.
Simon Grech ta dettalji dwar il-kompetizzjoni nfisha fejn qal li għal darba oħra se ssir kompetizzjoni għal seba’ kategoriji li huma dawk taħt id-9, 11, 13, 15, 17 u 19-il sena kif ukoll dik tas-seniors li fiha jieħdu sehem goalkeepers mid-diviżjonijiet kollha inkluż il-Futsal. Grech ħeġġeġ sabiex iktar tfajliet japplikaw għal din il-kompetizzjoni sabiex issir kategorija riservata għalihom.
Huwa qal li bħas-snin ta’ qabel kull kategorija se jkollha massimu ta’ 32 goalkeeper li jinqasmu fi tmien gruppi ta’ erbgħa l-wieħed bir-rebbieħa jgħaddu direttament għall-fażi tan-knock-out fl-aħħar ġurnata. L-applikazzjonijiet li se jiftħu l-ġimgħa d-dieħla u jagħlqu fl-1 ta’ Mejju jistgħu jinkisbu min-Nurseries u l-klabbs kollha tal-futbol u jagħlqu hekk kif jintlaħaq il-massimu ta’ kull kategorija.
Il-logħob kollu se jkun ta’ żewġ minuti kull taqsimas b’minuta mistrieħ u se jkun kontrollat mir-referees tal-MFA f’seba’ pitches differenti. Il-parteċipanti kollha se jingħataw midalja kommemorattiva waqt li se jkun hemm premjijiet għall-ewwel tliet postijiet f’kull kategorija. Barra dan din is-sena se jingħataw ukoll żewġ trofej oħr alil dak il-gowlkiper li jkun skorja l-akbar ammont ta’ gowls u dak li jkun ġarrab l-anqas ammont ta’ gowls.
//= $special ?>
