Kultura

Il-kumpanija tal-produzzjonijiet ċinematografiċi U-Film tkompli tikber

Il-kumpanija ġdida U-Film tnediet uffiċjalment waqt il-Berlinale 2014, fejn ġew organizzati għadd ta’ laqgħat ma’ kumpaniji midħla tal-produzzjonijiet ċinematografiċi biex tiġi introdotta l-kumpanija u s-servizzi li toffri. Il-kumpanija Film Corporation inbidlet f’U-Film, entità ġdida li daħlet fis-seħħ wara proċess ta’ tiġdid fl-istrutturi tal-kumpanija.

U-Film kabbret ukoll in-numru tal-impjegati tagħha, speċjalment fid-dipartiment tal-marketing biex tkun tista’ tippromwovi s-servizzi tagħha u ta’ Malta bħala destinazzjoni ta’ filming t’eċċellenza f’bosta bliet ewlenin, fosthom Berlin, Cannes, Londra, Los Angeles u Toronto fost l-oħrajn.

Il-kumpanija qed tesplora wkoll swieq ġodda u klijenti potenzjali ġodda kemm għal kumpanija kif ukoll għall-industrija tal-filming f’Malta. Kelliem għal kumpanija saħaq li U-Film hija kumpanija “b’saħħitha fis-suq Russu, Amerikan u Ewropew, iżda li tixtieq tespandi fis-suq Ażjatiku u Indjan”.

Il-kumpanija U-Film tinsab ukoll fil-proċess li toħloq kontenut għal numru ta’ pjattaformi informattivi, partikolarment l-isfruttar tal-esperjenza unika tal-iffilmjar ta’ taħt il-baħar biex dawn il-filmati jintużaw fi produzzjonijiet bħal dokumentarji fuq l-art u l-baħar għal għadd ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni lil hinn minn Malta għal skopi ta’ distribuzzjoni globali. Fil-fatt, din is-sena waqt il-MIPDOC, parti mill-festival ta’ Cannes 2014, U-Film se tkun qed turi 3 dokumentarji, kollha bbażati fuq kontenut lokali.

U-Film tinsab ukoll impenjata f’investiment f’infrastruttura li tintuża fl-industrija ċinematografika, fosthom il-bini ta’ sound-stages u faċilitajiet edukattivi, inkluż it-twaqqif ta’ Mużew taċ-Ċinema u żona dedikata biss għal professjonisti u dilettanti tal-produzzjonijiet ċinematografiċi. Kelliem għal kumpanija tenna li “l-għan aħħari tal-kumpanija huwa li jpoġġi lil-gżejjer Maltin fuq il-mappa dinjija, u permezz ta’ investiment mis-settur privat jinħoloq ix-xogħol u jinġieb aktar xogħol lejn l-industrija ċinematografika”.

Għal aktar informazzjoni u talbiet għal kummenti, wieħed jista’ jibgħat e-mail fuq info@u-film.com.mt