Il-President ta’ Malta George Abela dalgħodu kellu Udjenza Privata mal-Papa Franġisku fl-istudju tal-Papa fil-Vatikan. Il-President Abela jinsab fil-Vatikan flimkien ma’ martu Margaret, it-tfal u n-neputijiet tagħhom. Huma akkumpanjati wkoll mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella.
Hi tradizzjoni li l-President ta’ Malta jiltaqa’ mal-Papa fil-bidu u t-tmiem tal-kariga tiegħu. Fil-fatt, il-Kap tal-Knisja Kattolika jkun l-ewwel u l-aħħar personalità li magħha jiltaqa’ l-Kap tal-Istat Malti tul il-mandat tiegħu. George Abela kien iltaqa’ mal-Papa Benedittu XVI f’Ġunju 2009, ftit wara li ħa l-Presidenza.
Dakinhar hu kien akkumpanjat mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg u minn membri tal-Uffiċċju u tal-familja tiegħu.
F’April 2010, imbagħad, kien il-Papa Benedittu XVI li żar pajjiżna u dakinhar kien l-istess President Abela li laqa’ lill-Kap tal-Knisja Kattolika f’pajjiżna.
Għalkemm dik ta’ dalgħodu kienet l-ewwel Udjenza Privata mal-Papa attwali fil-Vatikan, mal-ħatra tal-Papa Franġisku, il-President Abela kien ukoll parti minn delegazzjoni li attendiet għall-Quddiesa ta’ Inawgurazzjoni tal-Pontifikat tiegħu. Delegazzjoni, li dakinhar kienet inkludiet ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Lawrence Gonzi u lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella. L-Isqof Awżiljarju u Vigarju ta’ Malta Mons Charles Scicluna kien attenda f’isem il-Konferenza Episkopali Maltija.
It-terminu ta’ George Abela bħala President jiskadi fl-4 ta’ April, meta warajh tieħu l-ħatra Marie Louise Coleiro Preca, li sal-lum għadha Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.
//= $special ?>

