Lokali Unjoni Ewropea

Informazzjoni dwar votazzjoni ta’ ċittadini tal-UE fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) tavża li l-persuni eliġibbli għall-vot u li se jkollhom dokument tal-vot huma dawk li isimhom se jkun fil-publikazzjoni tar-Reġistru Elettorali tal-Unjoni Ewropea f’April 2014. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li mhumiex Maltin u li mhumiex imniżżla fl-aħħar Reġistru tal-UE li ġie ppublikat f’Ottubru 2013 għandhom jirreġistraw sal-31 ta’ Marzu 2014 jekk jixtiequ jivvutaw f’pajjiżna.

L-istqarrija tgħid li ċittadini tal-UE li mhumiex Maltin li iżda joqgħodu Malta u għandhom Karta tal-Identità Maltija jew Dokument ta’ Residenza jistgħu japplikaw għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru Elettorali tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dawn għandhom jimlew applikazzjoni u jissottomettu żewġ ritratti fid-daqs ta’ dawk tal-Passaport, flimkien ma’ kopja tal-Karta tal-Identità jew Dokument ta’ Identifikazzjoni.

L-applikazzjoni tista’ titnizzel mis-sit elettroniku www.electoral.gov.mt jew mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, l-Għases tal-Pulizija jew l-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali. L-istqarrija tispjega li ċittadini tal-UE li mhumiex Maltin u li iżda jagħżlu li jiġu rreġistrati biex jivvutaw f’Malta jkunu qed jirrinunzjaw il-vot f’pajjiżhom għall-elezzjoni ta’ Mejju 2014.

Persuni li jixtiequ aktar informazzjoni dwar dan il-proċess jistgħu jċemplu fuq 21221994 jew fl-Uffiċċju ta’ Għawdex fuq 21566187. Huma jistgħu wkoll jibgħatu email fuq electoral.office@gov.mt.

Stqarrija mill-Alternattiva Demokratika

Fi stqarrija, l-Alternattiva Demokratika qalet li MaltaPost qed tikkundizzjona r-reġistrazzjoni tal-votanti, inkluż ċittadini Ewropej li mhumiex Maltin. L-AD qalet li dan qed isir hekk kif il-votanti għandu jkollhom il-possibbiltà li jibgħatu l-applikazzjoni tagħhom bil-posta mingħajr ma jħallsu għas-servizz tal-posta.

L-AD ikkwotat l-Artiklu 6 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, li jgħid li l-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu mingħajr ħlasijiet tal-posta. L-AD qalet li MaltaPost ikkonfermat li għadha ma waslitx dawn l-applikazzjonijiet u li għadha qed tistenna risposta mill-Uffiċċju Elettorali dwar din il-proċedura.

Iċ-Chairman tal-AD Arnold Cassola qal li dan mhux aċċettabli u li l-applikazzjonijiet għandhom jitwasslu qabel id-data tal-għeluq tal-applikazzjoni. Hu qal li l-AD se tinforma lill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta dwar dan l-aġir minn MaltaPost.