Il-kelma ‘Requiem’ tfakkarna mill-ewwel fil-Quddiesa li ssir b’suffraġju tal-erwieħ. Fil-fatt, din il-kelma ġejja mill-Introjtu tal-Liturġija Requiem aeternam dona eis Domine - Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.
Għal bosta sekli, it-test tar-Requiem kien jitkanta fuq melodiji Gregorjani imma qrib nofs is-seklu ħmistax, il-kompożituri bdew jesplojtaw dan il-kant sabiex joħolqu arranġamenti mużikali ġodda. Jeżistu fil-fatt mill-inqas madwar 2000 kompożizzjoni tar-Requiem. Xi wħud minnhom inkitbu għal korijiet a cappella filwaqt li oħrajn jinkludu l-orgni jew l-orkestra. Jeżistu diversi li jinkludu ukoll xi movimenti miktuba għal solisti.
Matul ix-xahar li ġej, dan ix-xogħol se jinstemgħa f’Malta għall-ewwel darba mill-Schola Cantorum Jubilate flimkien mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Mro Christopher Muscat. L-organista Simone Vebber li jgawdi reputazzjoni internazzjonali se jakkumpanja l-kor. Il-partijiet tas-solo huma assenjati lill-mezz-sopran Marvic Monreal u l-baxx Albert Buttigieg. Mro Mark Gauci kien responsabbli mit-tagħlim tal-partijiet korali.
Minbarra r-Requiem ta’ Duruflé, il-kunċert se jinkludi motetti oħra interpretati a cappella mill-kor u s-‘Sinfonia al Santo Sepulcro’ ta’ Vivaldi esegwita mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.
Ir-Requiem se tittella nhar il-Ġimgħa 4 u s-Sibt 5 ta’ April fis-Sala Robert Samut tal-Furjana. Imbagħad is-Sibt 6 ta’ April se titgħella fil-Bażilika Santwarju Marija Bambina tax-Xagħra. Filwaqt li d-dħul fis-serati li se jittgħellu f’Malta huwa bil-biljetti, id-dħul tas-serata f’Għawdex huwa bla ħlas.
Mingħajr dubju, din se tkun produzzjoni oħra li fiha se tispikka l-arti mużikali li hija mhux biss tant popolari mal-udjenzi tagħna imma anki tarrikixxi x-xena mużikali lokali u tradizzjonali ta’ pajjiżna.
//= $special ?>