Kunsilli Lokali Lokali

Jirriżenja s-Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar

Fuq Facebook, Mario Salerno għadu kif ikkonferma li se jirreżenja minn Sindku. Fil-kumment tiegħu Salerno kiteb li biex taħdem għas-soċjetà u tagħti kontribut fil-komunità, mhux bilfors trid tkun Sindku anzi li tkun Kunsillier inaqqas il-paper work tal-uffiċċju.

Intant, Ray Tabone, li mistenni jieħu post Salerno bħala Sindku, deher dieħel għal-laqgħa tas-Sindki li bdiet illum u tkompli għada. Dan minkejja li għadu ma ġiex approvat f’din il-kariga mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Aktar kmieni:

Is-Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar mistenni jirriżenja. MaltaRightNow.com hu nfurmat li Mario Salerno, li s-sentejn li ilu jmexxi l-Kunsill u qabel bħala Sindku ta’ Ħal Kirkop xejn ma kienu neqsin mill-kontroversja, se jkun qed jirriżenja mill-kariga fil-jiem li ġejjin.

Fil-Minuti tal-laqgħa li saret fl-24 ta’ Jannar li għadda, Salerno ta indikazzjoni tal-intenzjoni tiegħu meta qal li wara 15-il sena fil-Kunsilli Lokali, li minnhom għamel 12-il sena bħala Sindku, jixtieq jara lil xi ħadd aktar żagħżugħ biex f’din il-leġiżlatura jakkwista esperjenza ġdida bħala Sindku. Din kienet meqjusa minn kulħadd bħala indikazzjoni ċara li Mario Salerno mhux se jibqa’ s-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar.

MaltaRightNow.com hu nfurmat li din ir-riżenja, issa li l-Minuti ġew approvati fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill, hi waħda imminenti, tant li mhux qed jiġi eskluż li Salerno jirriżenja minn Sindku fil-laqgħa tas-Sindki skedata għas-Sibt li ġej. S’issa mhux magħruf jekk Salerno hux se jirriżenja għal kollox mill-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar jew mill-kariga ta’ Sindku biss. Iżda s-sorsi tagħna ndikaw li wisq probabbli, Salerno jibqa’ Kunsillier.

B’hekk il-mistoqsija issa ssir min se jieħu post Salerno bħala Sindku. Skont l-informazzjoni li għandna jirriżulta li l-Viċi Sindku Alex Bezzina falla numru ta’ laqgħat fl-aħħar xhur minħabba raġunijiet personali u għalhekk ma jidhirx li hu nteressat fil-kariga. L-attenzjoni kollha, għalhekk, iddur fuq il-Kunsillier Laburista Raymond Tabone, li ilu Kunsillier għal numru ta’ snin iżda qatt Sindku.

Is-sorsi tagħna qalu li meta fl-aħħar elezzjoni, Mario Salerno laħaq Sindku, Tabone xejn ma ħadha tajjeb. Tant hu hekk, li sa mill-ewwel laqgħa tal-Kunsill deher fiċ-ċar li jeżisti diżgwid bejn Tabone u Salerno. Raymond Tabone hu viċin ħafna tat-tmexxija tal-Partit Laburista, tant li f’Awwissu li għadda kien wieħed minn dawk il-Kunsillieri li vvutaw biex Kunsillier ieħor tal-Partit Laburista jieħu tender mill-istess Kunsill. Episodju li wassal biex l-istess Kunsillier, Jason Camilleri, kien kostrett jirriżenja mill-Kunsill Lokali.

B’hekk, ir-riżenja ta’ Salerno mistennija tkun it-tielet riżenja għall-Partit Laburista fil-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar. Fis-sentejn li għaddew, minbarra Jason Camilleri li ħa tender mill-Kunsill, irriżenja wkoll Carmel Hili.