Lokali

It-tanker bil-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk jixhed is-suppervja u l-arroganza tal-Gvern

Il-proġett tat-tanker bil-ħażna tal-gass li se jkun ankrat fil-Bajja ta’ Marsaxlokk jixhed is-suppervja u l-arroganza tal-Gvern Laburista li jrid ilesti dan il-proġett f’sentejn u b’anqas flus imma lest jipperikola l-ħajja tar-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit Beppe Fenech Adami f’laqgħa oħra tal-Kumitat tal-PN għan-Nofsinhar ta’ Malta fil-Każin tal-Partit f’Birżebbuġa.

Beppe Fenech Adami qal li dan il-proġett kien wieħed mill-proġetti li twettqu minn dan il-Gvern minkejja li ma kienx fil-programm elettorali. Il-Viċi Kap tal-PN fakkar ukoll fl-iskema tal-bejgħ taċ-Ċittadinanza u fil-privatizzazzjoni tal-Enemalta li, bħall-proġett tat-tanker tal-ħażna tal-gass ukoll ma kienux fil-programm elettorali.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-Gvern għandu mandat biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, iżda l-Gvern xorta jista’ jagħmel dan permezz tal-effiċjenza tal-Power Station tal-BWSC. Permezz ta’ din il-Power Station, il-Gvern diġà qed jiffranka €1 miljun fil-ġimgħa li diġà hu aktar mir-roħs li se jagħti l-Gvern mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Beppe Fenech Adami temm l-indirizz tiegħu b’appell lill-Gvern biex iwarrab is-suppervja u saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun it-tarka tal-poplu kontra Gvern li jaħseb li jista’ jirrombla fuq kulħadd.

Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Eżekuttiv tal-PN Ann Fenech, li qalet li l-poplu Malti qatt ma vvota għal dan il-proġett. Hi kkritikat id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru, li qal li jkun aħjar jekk il-vapur ikun fil-port u staqsiet x’jiġri f’każ ta’ riħ qawwi. Saħqet ukoll li ħadd ma jista’ jemmen id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li l-vapuri jistgħu jgħaddu minn fuq il-vapur bil-ħażna tal-gass jekk dan ikun barra l-port.

Ann Fenech saħqet fuq il-ħtieġa ta’ studju tal-impatt marittimu tal-proġett, kif talab is-Segretarju Ġenerali tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd Ray Bugeja u kkritikat ir-rapport ta’ Papadakis li ma kkunsidrax x’jiġri f’każ li jkun hemm sors ta’ fjamma viċin it-tanker. Kemm Beppe Fenech Adami kif ukoll Ann Fenech saħqu fuq l-importanza li n-nies jattendu għar-Rally li sejjaħ il-PN b’appoġġ għar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa l-Ħadd li ġej. Ir-Rally jibda fil-11am u jinkludi wkoll diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil.

Il-laqgħa tal-Kumitat tal-PN għan-Nofsinhar ta’ Malta kienet indirizzata wkoll mill-Membri Parlamentari Jason Azzopardi, Tony Bezzina u Mario Galea u ntemmet b’indirizz mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said. Attendew ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia, Helga Ellul, Kevin Plumpton, Norman Vella u Francis Zammit Dimech.