Ambjent Lokali

AĠĠORNATA: Kaċċa fir-Rebbiegħa bejn it-12 u t-30 ta’ April

Il-kaċċa fir-Rebbiegħa għall-gamiem u s-summien din is-sena se tiftaħ bejn is-Sibt 12 ta’ April u l-Erbgħa 30 ta’ April. Il-kaċċa hi permessa biss minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-2pm fost il-ġimgħa, u sa nofsinhar fil-Ħdud u l-festi pubbliċi.

L-Avviż Legali li kien ippubblikat ilbieraħ jgħid li se tinħareġ liċenzja speċjali għal kull min hu eliġibbli li japplika skont il-proċedura stabbilita bil-liġi.

Persuni li għadhom fil-pussess tagħhom il-Carnet de Chasse validu jistgħu japplikaw minn nhar it-Tnejn li ġej sas-Sibt 29 ta’ Marzu f’kull fergħa tal-Maltapost waqt il-ħinijiet tal-ftuħ. Mhux se jkunu aċċettati applikazzjonijiet wara din id-data.

Il-kwota nazzjonali tal-qbid għal dan l-istaġun hi stabbilita għal 11,000 gamiema u 5,000 summiena. Kull persuna liċenzjata ma tistax taqbeż il-kwota ta’ żewġ għasafar fi kwalunkwe ġurnata u mhux iktar minn erba’ għasafar tul l-istaġun kollu.

Il-kaċċatur għandu jinforma l-awtoritajiet bil-qabda tiegħu immedjatament permezz ta’ SMS u li jniżżel il-qabda fil-Carnet de Chasse qabel ma jitlaq mill-post fejn kien għall-kaċċa.

Fis-Sajf li għadda nbeda proċess ta’ ġbir ta’ firem minn koalizzjoni ta’ għaqdiet ambjentali sabiex isir referendum biex titneħħa l-kaċċa fir-Rebbiegha. Sa Jannar li għadda, kienu nġabru ‘l fuq minn 40,000 firma, ferm iktar mill-34,000 jew 10% tal-votanti reġistrati li huma meħtieġa biex isir referendum.

Intant, fi stqarrija, Birdlife Malta kkritikat lill-Gvern għall-emendi fil-liġi biex għall-ewwel darba f’seba snin se tkun tista’ issir kaċċa fil-Ħdud u festi pubbliċi. Il-Birdlife qalet li l-Gvern għamel diversi emendi fil-liġi mingħajr ma kkonsulta dwarhom fil-kumitat Ornis. Il-Birdlife qalet li l-emendi jirriflettu proposti tal-FKNK li saru direttament lill-Gvern.