Lokali

Kampanja favur il-ħarsien tal-annimali

The Floyd Campaign hija kampanja bejn is-sidien tal-qattus Floyd u l-kumpanija Borg Cardona & Co. Limited bil-għan li jinġabru donazzjonijiet għall-għaqdiet tal-annimali u persuni li jitimgħu qtates li jgħixu barra.

Il-qattus Floyd li pparteċipa f’kompetizzjonijiet tal-qtates barra minn Malta u ngħata premijiet għad-dehra tiegħu kien l-ispirazzjoni ta’ din il-kampanja. Is-sidien tal-qattus Nevise Caligari u Pierre Borg kienu ddeċidew li l-prodotti tal-ikel li jaqla’ l-qattus kull meta jirbaħ premju jingħataw lill-persuni li jitimgħu annimali li jgħixu fit-triq jew lill-għaqdiet tal-annimali. Minn hemmhekk nibtet l-idea li ssir kampanja mal-kumpanija Borg Cardona and Co Limited li tbiegħ prodotti tal-ikel tal-annimali.

Ir-rappreżentant tal-kumpanija, Nigel Borg Cardona qal li permezz ta’ din il-kampanja, il-kumpanija se tkun qed tagħti donazzjoni ta’ 5c għal kull kilo ta’ ikel tal-annimali li tbiegħ. F’għaxart ijiem diġa’ ġabret Є1140.75c u fi tliet xhur qed tistma li tiġbor madwar Є10,000.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes il-Ġimgħa żar il-kumpanija u faħħar din l-inizjattiva. Hu sostna li l-għaqdiet volontarji u l-kumpaniji kummerċjali għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-ħarsien tal-annimali.