Futbol Sport

Konfront dirett li mistenni jagħti żvolta l-kampjonat

Bejn is-Sibt u l-Ħadd tintlagħab is-27 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier b’Valletta, fit-tieni post jippruvaw jaqbżu lil-liders B’Kara fl-aktar logħba mistennija biex jibdew l-aħħar round fuq quddiem. Il-Karkariżi jinsabu żewġ punti fuqhom wara li kellhom pass falz u tilfu kontra Hibs. Dan il-konfront jista’ jagħti żvolta definittiva l-kampjonat.

Valletta ġejjin minn rebħa fuq Balzan 3-1 fejn spikka Lateef Ellford-Aliyu. Jekk il-Ħadd Valletta jżommu l-momentum u jirbħu f’Ta’ Qali kontra t-tim ta’ Pawlu Zammit, ikunu l-liders il-ġodda b’punt fuq B’Kara.

Għal B’Kara t-telfa kontra Hibs kienet l-ewwel waħda li sofrew minn kemm ilhom li inqasmu l-punti u t-tieni waħda kontra Hibs dan l-istaġun u t-telfa l-oħra li ġarrbu kienet proprju kontra Valletta fit-tieni rawnd meta dakinhar Ryan Fenech u Hamza Barry skurjaw għall-Beltin filwaqt li għal B’Kara kien skurja Shola Shodiya. Kontra Hibs kienet biss it-tieni darba li B’Kara naqsu milli jsibu x-xibka fil-kampjonat wara li f’Settembru kienu wkoll tilfu 1-0 kontra l-istess Hibs.

B’Kara li se jkollhom lil Ryan Scicluna sospiż, kellhom ċans ġimgħa sħiħa jħejju għal dan il-konfront importanti filwaqt li Valletta, matul il-ġimgħa kienu impenjati fis-semi finali tal-U*BET FA Trophy fejn eliminaw lil Gżira United.

Hibernians se jfittxu rebħa kontra Sliema f’Kordin bit-tama li japprofittaw mill-konfront dirett bejn Valletta u B’Kara. Sliema, li wkoll għaddew għall-final tat-Trophy, se jkunu qed ifittxu li jirritornaw għar-rebħ fil-kampjonat wara żewġ partiti bla rebħa fejn tilfu kontra B’Kara u ġew draw kontra Mosta. Sliema bħalissa jinsabu 10 punti taħt B’Kara u jekk jitilfu jkunu f’riskju li jiġu milħuqa minn Mosta li jilagħbu kontra Balzan.

Il-moral ta’ Hibs hu għoli wara li għelbu liċ-champions filwaqt li Sliema se jkunu qed jippruvaw jirrepetu s-suċċess li kellhom fuq Hibs fit-tieni rawnd meta rebħulhom 3-1. Hibs għadhom qatt ma rebħu lil Sliema dan l-istaġun wara li fl-ewwel rawnd kienu spiċċaw 2-2.

Sliema se jkollhom lil Alex Muscat u Admir Vladavic sospiżi filwaqt li għal Hibs se jkun sospiż Bjorn Kristensen.

F’logħba kontrollata minn uffiċjali Irlandiżi, Mosta jilagħbu kontra Balzan. Minn meta inqasmu l-punti Balzan ma rebħux partita u minn kif qed jidhru l-affarijiet se jkunu huma li jispiċċaw fl-aħħar post taċ-Championship Pool. Mosta qed joffru sfida denja imma n-nuqqas ta’ Gianmarco Piccioni, Ryan Grech u Tyrone Farrugia li huma sospsiżi, jista’ jkollu effett kontra Balzan li se jkunu mingħajr Kurt Magro.

Jintlagħbu wkoll żewġ partiti mir-Relegation Pool fejn Tarxien jilagħbu kontra Qormi li se jkollhom lil Jonathan Bondin sospiż filwaqt li għal Tarxien se jkun sospiż Manuel Caruana.
Naxxar u Vittoriosa llum ukol jiltaqgħu fil-Victor Tedesco Stadium fġdak li qed jitqies bħala konfront dirett bejn żewġ timijiet f’riskju li jkunu relegati flimkien ma’ Rabat. Vittoriosa bħalissa għandhom 13-il punt, tejn inqas minn Naxxar u se jkunu qed ifittxu l-ewwel rebħa kontra l-Lions dan l-istaġun biex jaqbżuhom. Federico Santaguida, Jose Filipe Caldeira Aguiar, u Sidibe Ousmane ta’ Vittoriosa se jkunu sospiżi waqt li Naxxar li se jkollhom sospiżi lil Thiago Lopez De Souza u Angus Buhagiar.

Is-Sibt f’partita oħra kontorollata minn uffiċjali Irlandiżi, Floriana m’għandhomx ifallu kontra Rabat. Floriana, it-tieni fir-Relegation Pool punt taħt Tarxien, fl-ewwel rawnd kienu rebħu 4-0 filwaqt li fit-tieni rawnd rebħu 3-2. Floriana se jkollohm lil Sacha Borg sospiż u Rabat se jkollhom nieqes lil Jonathan Bajada.