Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ċadħet it-talba li għamlet koppja barranija f’isimha u f’isem binhom minuri u iddikjarat li dawn għandhomx id-dritt li joqgħodu f’Malta.
Il-koppja Ghasan Kaseb, Adal Kaseb u Abouzidan Nadim f’isimhom u f’isem binhom minuri talbu lill-Qorti Ċivili biex twaqqaf lill-Prinċipal taċ-Ċittadinanza u l-Expatriates milli joħroġ ordni ta’ tluq fil-konfront tagħhom.
Il-ġist ta’ din it-talba saret fuq Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, liema artikolu jipproteġi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-familja. It-talba saret ukoll fid-dawl ta’ diversi artikoli tal-Kostitizzjoni ta’ Malta.
L-ewwel Qorti kienet ċaħdet it-talba tal-familja, bil-konsegwenza li jumejn wara l-familja rċeviet ittra mingħand id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Expatriates biex jitilqu mill-pajjiż sat-28 ta’ Frar tal-2008.
Madankollu kienet saret talba ta’ inibizzjoni fuq il-bażi li d-drittijiet tal-familja se jkunu preġudikati. Għaldaqstant talbu lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili biex tirrevoka d-deċiżjoni tal-ewwel Qorti u d-Dipartiment jkun imwaqqf milli joħroġ ordni ta’ tneħħija mll-pajjiż fil-konfront tal-familja.
Madankollu wara li kkunsidrat il-fatti kollha tal-każ, fosthom ir-risposti li taw il-Prinċipal tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċjal Prinċipali għall-Immigrazzjoni, ċaħdet it-talba tal-familja.
//= $special ?>
