Kultura Lokali

Lejn rikonoxximent dinji tal-lingwa Maltija u tal-‘Kantilena’

Id-dokument letterarju ‘Il-Kantilena’, li jmur lura għall-1470 u kien skopert fl-1966, hu kkunsidrata bħala l-aktar dokument letterarju antik u bħala kontenut jiffoka fuq parabbola bibblika.

Wara li tul is-snin diversi postijiet ta’ natura storika f’Malta kisbu rikonoxxut dinji bħala wirt storiku dinji, issa Malta qed tagħmel il-pass li jmiss billi l-lingwa Maltija u d-dokument letterarju ‘Il-Kantilena’ wkoll ikunu rikonoxxuti fuq livell dinji.

Fil-Mużew tal-Arkeoloġija saret il-preżentazzjoni uffiċjali tan-nominazzjoni tal-Kantilena ta’ Pietru Caxaro għall-International Memory of the World Register tal-UNESCO u tnieda l-proċesss biex elementi tal-lingwa Maltija jkunu rikonoxxuti bħala Masterpieces of the Oral and Intangible Heritage of Humanity.

Il-preżentazzjoni tan-nominazzjoni saret mis-Segretarju Parlamentari Josè Herrera lill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-UNESCO, Monsinjur Joe Vella. Fl-attività ttkellem ukoll il-President tal-Akkademja tal-Malti, Olvin Vella.

Id-dokument letterarju ‘Il-Kantilena’ jmur lura għall-1470 u kien skopert fl-1966. Il-Kantilena hi kunsidrata bħala l-aktar dokument letterarju antik u bħala kontenut tiffoka fuq parabbola bibblika.

L-importanza ta’ dan id-dokument hu propju għaliex ‘Il-Kantilena’ hi konferma ta’ kif kienu jitkellmu l-Maltin dak iż-żmien, kważi mitt sena qabel ġew il-Kavallieri f’Malta.

L-iskopijiet tal-Memory of the World Register huma biex il-UNESCO tgħin fil-konservazzjoni ta’ dokumenti ta’ valur nazzjonali u dinji, li jkun faċilitat l-aċċess mid-dinja għal dawn id-dokumenti u li jkun xprunat interess għall-istess dokument u kollezzjonijiet storiċi.
Dan ir-reġistru għandu madwar 300 dokument jew kollezzjoni approvati minn iktar minn 100 pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera tkellem dwar l-importanza tal-konservazzjoni tad-dokumenti fl-Akrivji tal-Atti Notarili fil-Belt, u qal li l-pjani huma li jinkisbu fondi mill-UE biex isir ir-restawr ta’ dawn id-dokumenti, li b’kollox jammontaw għal madwar 36,000 att notarili. Fl-element storiku dwn l-atti huma l-akbar dokumentazzjoni storika tal-istorja Maltija tul is-snin.