Futbol

Melbourne Heart jagħtu r-release lil Mifsud

Melbourne Heart ikkonfermaw fuq il-websajt tagħhom li kienu taw ir-release lill-captain internazzjonali Malti, l-attakkant Michael Mifsud qabel intemmlu l-kuntratt ta’ sena li kien iffirma mal-klabb Awstraljan. Heart qalu li l-esperjenza ta’ Mifsud mal-klabb kienet diżappuntanti.

Mifsud kien ilu żmien taħt kritika kbira wara li skorja gowl wieħed biss fi 13-il logħba li lagħab ma’ Melbourne Heart minn meta ffirma magħhom is-sena l-oħra u dan l-aħħar ma kienx qed ikun inkluż fl-iskwadra tal-ewwel tim imma kien qed jilgħab fil-kampjonat taż-żgħar.

Mifsud li għandu 32 sena lagħab madwar l-Ewropa kollha fejn kellu esperjenzaa fil-Ġermanja ma’ Kaiserslautern, fin-Norveġja ma’ Lillestrom u fl-Ingilterra ma’ Coventry City u Barnsley waqt li f’Malta lagħab ma’ Sliema Wanderers, Valletta u Qormi. Huwa kien iffirma kuntratt ta’ sena ma’ Melbourne Heart fit-18 ta’ Settembru 2013 meta dakinhar it-tim kien immexxi minn Aloisi.

Minn dakinhar Mifsud qatt ma rebaħ qalb il-qlub tal-paartitarji li kienu jikkritikawh kontinwament għaċ-ċansijiet li kien ifalli waqti il-partiti li lagħab fihom u n-nuqqas ta’ gowls li skorja. L-uniku persuna li tkellem fil-beraħ favur Mifsud fl-Awstralja kien il-captain ta’ Centra Coast Mariners, l-internazzjonali Malti John Hutchinson li kemm il-darba stqarr li Mifsud kien wieħed mill-aqwa attakkanti li qatt lagħab magħhom għaliex barra li hu veloċi kapaċi jiżmarka ruħu u jiftaħ anke l-ispazji.

Heart jidher komplew jagħmlu tibdil li qed iqisuh importanti taħt it-tmexxija tal-properjetarji ta’ Manchester City meta reġgħu iffirmaw magħhom lill-attakkant David Williams fuq kuntratt ta’ sentejn.

Il-manager John van’t Schip li aċċetta li jiffirma kuntratt ta’ tliet snin biex jibqa’ mal-klab wara li ħa t-tmexxija mingħand John Aloisi f’nofs l-istaġun qal li Williams għandu jkun strumentali għat-tim l-istaġun li ġej.