Lokali Qorti

Mixli li attakka b’sikkina żewġ Kuntistabbli u li waddbilhom il-‘pepper spray’

Raymond Zammit, ta’ 41 sena minn Ħal Qormi, li ma jaħdimx u li għandu problema ta’ droga u xorb, inżamm taħt arrest preventiv fis-sala Forensika tal-Isptar Monte Carmeli wara li kien mixli quddiem il-Maġistrat Francesco Depasaquale li attakka żewġ Kuntistabbli u kkaġunalhom feriti ħfief. Allegatament, Zammit ħebb għall-Kuntistabbli Alfred Chetcuti, li għall-ħabta tat-8.10pm kien għaddej mill-Pjazza ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi. L-akkużat deher eċitat u kellu sikkina f’idejh u meta l-Pulizija mar ikellmu, qallu li kellu xi jgħid ma’ oħtu tant li kien sejjer biex jifqala’ t-tyres tal-karozza.

Hekk kif il-Pulizija pprova jikkalma lil Zammit u jneħħilu s-sikkina, Zammit ħa l-pepper-spray minn id l-Uffiċjal u użah fuqu. Il-Pulizija nħasad, b’Zammit jitlaq jiġri wara l-Pulizija. Charles Dingli, Pulizija li kien fil-viċin u nzerta ma kienx xogħol, ipprova jgħin lil sieħbu u spiċċa wkoll attakkat minn Zammit. Iż-żewġ Pulizija weġġgħu ħafif waqt li kienu qed jissaraw ma’ Zammit. Wara aktar minn siegħa ta’ aggressività, Zammit spiċċa arrestat.

L-avukat Cedric Mifsud, li deher għal Raymond Zammit, talab lill-Qorti biex tapponta uffiċjal mediku biex jeżamina l-feriti li ġarrab l-akkużat f’wiċċu. Il-Prosekuzzjoni qalet li anke l-Pulizija sofrew minn feriti simili, bl-akkużat jallega li l-feriti li sofra f’wiċċu saru mill-Pulizija li kienu vjolenti waqt l-arrest. L-avukat Mifsud talab ukoll biex l-istat mentali ta’ Zammit jittieħed inkunsiderazzjoni tal-każ minħabba li bħalissa jinsab għaddej taħt kura psikjatrika.

Il-Prosekuzzjoni qalet li Zammit għandu problemi kbar f’ħajtu, speċjalment fejn tidħol droga u xorb, u fil-fatt qabel ma tressaq il-Qorti kellu jittieħed iċ-Ċentru tad-Detox. Filwaqt li ma oġġezzjonax għat-talba tad-Difiża biex jiġu appuntati esperti mediċi, l-Ispettur Joseph Agius talab biex dawn jaraw ukoll liż-żewġ Pulizija, li wkoll weġġgħu. Il-Qorti qalet li waqt li jkun fis-Sala Forensika, Zammit għandu jingħata l-attenzjoni kollha xierqa.