Kummerċ

Sidien tal-kards BOV Premium issa jistgħu jsarrfu l-punti tal-BOV għand Forestals

Il-fergħat ta’ Forestals u Matrix, issa huma sħab fil-Programm ta’ Premjijiet ta’ Lealtà tal-BOV, b’għażla usa’ għas-sidien tal-kards BOV Premium minn fejn jistgħu jsarrfu l-punti tal-BOV.
Il-ftehim ta’ sħubija ġie ffirmat minn Michael Galea, Chief Officer Operations tal-Bank of Valletta u Etienne Borg Cardona, CEO ta’ Forestals.

“Il-Programm ta’ Premjijiet ta’ Lealtà tal-BOV huwa maħsub li joffri valur miżjud lis-sidien tal-kards BOV Premium u aħna ninsabu kuntenti li ser nestendu aktar l-għażliet għall-klijenti tagħna biex isarrfu l-punti tal-BOV billi ngħaqadna fi ftehim ma’ Forestals u Matrix,” qal is-sur Galea. “Dan il-ftehim ġdid joffri għażla mill-aqwa ta’ prodotti ta’ kwalità lis-sidien tal-kards tagħna li issa jistgħu jsarrfu l-punti tagħhom fuq apparat elettrodomestiku, televixins, sistemi ta’ divertiment għad-dar, kompjuters, konsols tal-logħob, softwer u aċċessorji oħra li wieħed isib fil-ħwienet ta’ Forestals u Matrix.

Sodisfatt bil-ftehim, is-Sur Borg Cardona qal, “Aħna kuntenti li ser ningħaqdu mal-Programm ta’ Premjijiet ta’ Lealtà tal-BOV, inizjattiva li ser tressaq id-ditti tagħna viċin tas-sidien tal-kards BOV Premium. Aħna kunfidenti li din il-proposta ser tirriżulta f’ħafna aktar klijenti leali tal-BOV igawdu minn prodotti ta’ kwalità u servizzi professjonali li joffru Forestals u Matrix.”
Il-Programm ta’ Premjijiet ta’ Lealtà tal-BOV, li ġie mniedni fl-2009, jagħti b’mod awtomatiku lis-sidien tal-kards punt għal kull €1 li jonfqu f’xiri minn ħwienet permezz tal-BOV Visa Platinum, BOV Visa Gold u BOV Skypass Card.

Il-kards BOV Premium joffru wkoll għażla wiesgħa ta’ benefiċċji, inkluż assigurazzjoni tal-ivjaġġar b’xejn, assigurazzjoni ta’ protezzjoni fuq ix-xiri u għajnuna lill-klijenti madwar id-dinja.

Id-dettalji kollha tal-Programm u l-offerti marbuta miegħu jinsabu fuq www.bov.com. Il-klijenti jistgħu jiksbu aktar informazzjoni billi jżuru waħda mill-fergħat tal-BOV jew jikkuntattjaw lill-Customer Service Centre tal-Bank fuq 2131 2020.