Lokali

Silvio Parnis jirrifjuta li jiddiskuti l-każ tat-Tanker tal-gass ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk

Il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta mmexxi mid-deputat laburista Silvio Parnis irrifjuta li jiddiskuti l-kwistjoni tat-Tanker tal-gass ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Waqt laqgħa li saret il-Ħamis filgħaxija, kellu jkun ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni li jitlob liċ-Chairman Silvio Parnis biex ipoġġi fuq l-aġenda l-proġett tal-power station il-ġdida nkluż id-deċiżjoni dwar il-ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Imma, qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, hu diżappuntanti li waqt din il-laqgħa d-diskussjoni dwar it-tanker tal-gass twaqqfet ħesrem bl-iskuża li l-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta mhuwiex il-forum adattat biex jiddiskuti din il-materja.

Dan meta fl-ewwel laqgħa, il-Ministru Leo Brincat kien għamilha ċara li dan il-Kunsill għandu jaħdem mal-esperti biex jifforma opinjoni fuq issues li jaffetwaw propju lin-Nofsinhar ta’ Malta. Diffiċli, tgħid l-istqarrija, biex wieħed jemmen li l-Kunsill Konsultattiv jista’ jiġġustifika li l-akbar proġett fin-Nofsinhar ta’ Malta f’din il-leġiżlatura mhux issue li għandha titqajjem fi ħdanu u dan meta hu ffurmat biex jiddiskuti propju issues bħal dawn.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll kif fuq insistenza ta’ Netnews, il-ġurnalisti ngħataw permess li jkunu preżenti għal-laqgħa, imma imbagħad tħallew għall-ewwel ħames minuti biss li matulhom ma tħallewx jagħmlu domandi.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hu ċar li l-Gvern ta’ Muscat mhux qed ikun serju u trasparenti fil-mod kif qed jittratta din il-kwistjoni u d-deċiżjoni tal-Kunsill Konsultattiv li jinjora issue li qed tħasseb lir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta tkompli tikkonferma kemm il-Prim Ministru Muscat qed iwebbes rasu u jrid jisma’ lilu nnifsu biss.