Lokali

Titjira tal-AirMalta tirritorna Malta darbtejn minħabba raġunijiet tekniċi

Titjira tal-linja nazzjonali tal-ajru AirMalta fl-aħħar sigħat kellha tirritorna lejn Malta darbtejn minħabba raġunijiet tekniċi. Stqarrija tal-AirMalta qalet li t-titjira KM624 lejn l-Ajruport ta’ Linate f’Milan telqet minn Malta llum fit-7.55am kif skedat, iżda kella tirritorna bħala prekawzjoni għax minkejja l-intervent tal-inġinieri, il-problema teknika li wasslet għall-ewwel waqfa reġgħet feġġet.

L-AirMalta qalet li fiż-żewġ każi, l-ajruplan għamel inżul normali u fl-ebda ħin ma kien hemm periklu għall-passiġġieri.

Titjira oħra tal-linja nazzjonali tal-ajru, din id-darba lejn il-belt kapitali Libjana Tripli, tħassret minħabba li żewġ rockets sparati minn persuni mhux magħrufa waqgħu fuq ir-runway u dan wassal biex jingħalaq l-Ajruport.

Sadanittant, il-Union tal-Cabin Crew laħqet ftehim mal-AirMalta fi kwistjoni ndustrijali li kien hemm bejniethom. Għaldaqstant, kienu rtirati d-direttivi tal-union. Il-kwistjoni kienet dwar il-policy tal-leave li qed timplimenta l-AirMalta u t-tilwima ndustrijali kienet reġistrata jumejn ilu. Id-direttivi affettwaw numru ta’ titjiriet li telqu tard.