Bħalissa fil-Mediterranean Film Studios fir-Rinella qed jinħadem il-film doku-drama għaċ-ċinema li jitratta n-nawfragu ta’ San Pawl f’Malta. Il-ħsieb hu li dan il-film The Shipwreck Malta jkun attrazzjoni turistika permanenti u se jibda jintwera fis-sala taċ-ĊAK f’Birkirkara.
Dan il-proġett ambizzjuz kien maħsub miċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni, iċ-ĊAK, tal-Franġiskani Konventwali u qed ikun ko-finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għat-Turiżmu.
Il-filming f’Malta se jieħu madwar tliet ġimgħat oħra u l-post production se ssir fl-Italja. It-team tal-produzzjoni hu ffurmat minn talent Malti u Taljan u mmexxi mid-Direttur Massimo My. Ix-xeni tan-nawfraġju f’tempesta qalila qed jinġibu fuq sett virtwali u fuq xenografija oħra ta’ dak iż-żmien.
L-atturi huma kollha Maltin b’Henry Zammit Cordina fil-parti ta’ San Pawl, Malcolm Ellul fil-parti ta’ Ġilju ċ-Ċenturjun, James Cutajar fil-parti tal-Kaptan u Roberto De Santis fil-parti ta’ Publju. Il-produzzjoni hi f’idejn Kenneth Cassar ta’ Extreme Effects.
maltarightnow.com żar il-Mediterreanen Film Studios u tkellem ma’ Fr Paul Darmanin, il-producer tal-film li spjega kif oriġinat l-idea tal-film. Hu qal li meta seba snin ilu kienu qed jippreparaw għas-Sena Pawlina raw in-nuqqas ta’ interess li hawn fil-pajjiż dwar San Pawl li ġie Malta 2,000 sena ilu u għalhekk kien xieraq li jkun hawn prodott turistiku dwar dan is-suġġett u ġiet l-idea tal-film professjonali. Hu spjaga li l-film se jkun ipproġettat fuq screen kbir 14-il metru fis-Sala taċ-ĊAK li se tkun rinovata.
Hu spjega wkoll li l-produzzjoni se tiswa madwar €300,000 li 50 fil-mija minnhom huma fondi mill-Unjoni Ewropea wara li kienu applikaw għar-raba’ sejħa għal fondi tal-UE dwar it-Turiżmu. Hu qal li l-proġett jinkludi wkoll il-modernizzar tas-sala taċ-ĊAK biex tkun tista’ tilqa’ n-nies biex jaraw il-film f’ambjent professjonali.
Il-film mistenni jitlesta lejn l-aħħar ta’ din is-sena u jibda jintwera fis-sala taċ-ĊAK is-sena d-dieħla.