Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa ma ddiskutiex il-kwistjoni tat-tanker b’ħażna ta’ 140,000 metru kubu ta’ gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk, minkejja li nhar it-Tnejn il-MEPA mistennija tieħu deċiżjoni dwar dan il-proġett.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa Joe Farrugia, ikkonferma dan f’kummenti ma’ maltarightnow.com.
Staqsejna wkoll lil Joe Farrugia x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħażna tal-gass fuq it-tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa qal li hu ma jistax jitkellem fuq Marsaxlokk u qal li f’Birżebbuġa hemm affarijiet li huma agħar mill-ħażna tal-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk.
Fil-jiem li għaddew il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk b’maġġoranza Laburista, b’erba voti favur u wieħed kontra, approva mozzjoni tas-Sindku Edric Micallef biex isir dan il-proġett, li jinkludi l-ħażna tal-gass fuq tanker antik bil-bajja ta’ Marsaxlokk.
Kien biss il-Kunsillier Nazzjonalista Angelo Micallef li vvota kontra wara li spjega li hu bħala rappreżentant tan-nies ta’ Marsaxlokk, filwaqt li jaqbel li l-power station tinqaleb għall-gass, u s-soluzzjoni ideali hi li jsir il-pipeline minn pajjiż ieħor, iħoss li għad hemm bosta mistoqsijiet mhux imwieġba dwar il-proġett.
Anke il-konsulent tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, l-Inġinier Arthur Ciantar kien ta parir lil Kunsill li jkun aħjar li t-tanker bil-hażna ta’ 140,000 metru kubu ta’ gass LNG jitpoġġa barra mill-port ta’ Marsaxlokk għax ikun hemm inqas periklu għan-nies u għal power station.
Sadattant, il-Ħadd fil-ħdax ta’ filgħodu l-Partit Nazzjonalista se jorganizza rally fil-Pjazza ta’ Marsaxlokk b’appoġġ għar-residenti ta’ Marsaxlokk, Birżebbuġa u l-inħawi. Il-kelliem ewlieni se jkun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
//= $special ?>

