Lokali

Il-ħaddiema fl-Enemalta imħassba – SĦPN

Numru sostanzjali ta’ ħaddiema tal-Enemalta ilmentaw mas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) dwar il-futur inċert li qed jaffaċċjaw fl-impieg tagħhom, kuntrarju għal dak li kienu mwiegħda qabel l-elezzjoni mill-Partit Laburista.

Fi stqarrija, l-SĦPN qal li l-ħaddiema huma mħassba wara li fil-ġranet li għaddew huma kienu nfurmati li peress li parti mill-istess kumpanija inbiegħet lill-Kumpanija Ċiniża, il-ħaddiema se jkollhom jagħmlu deċiżjonijiet diffiċli fosthom li l-impjegati li jagħżlu li jibqgħu mal-Enemalta jew f’impieg alternattiv mal-Gvern, se jkunu taħt kuntratti ġodda u jżommu biss il-paga bażika li għandhom bħalissa b’detriment li se jkunu qed jitilfu l-benefiċċji li qed igawdu minnhom bħalissa u li jammontaw sa 10,000 ewro fis-sena.

L-SĦPN qal li dawk li se jagħżlu li jaħdmu mal-Kumpanija sussidjarja Shangai Electric se jkunu qed jispiċċaw minn fuq il-kotba tal-Enemalta u se jkunu fuq bażi ta’ kuntratt ta’ sentejn jew tlieta li jista’ jerġa’ jiġġedded. Dawn l-istess impjegati jista’ jkun li jintbagħtu jaħdmu fuq proġetti tal-istess kumpanija barra minn Malta filwaqt li l-ħaddiema fis-sezzjoni tal-Generation workshop se jkunu offruti impieg fil-Libja għall-istess kumpanija.

Il-ħaddiema kienu nfurmati li ħadd ma jista’ jerġa’ lura mid-deċiżjoni li jkunu ħadu u għalhekk dan kollu qed joħloq inċertezza fost il-ħaddiema tal-Enemalta qal l-SĦPN.

L-istqarrija tagħmel referenza għal mistoqsijiet li għamlu l-ħaddiema jekk il-kumpanija infurmatx lill-GWU dwar dan it-tibdil u jekk il-Union, li kienet preżenti jew kienet infurmata dwar il bejgħ ta’ parti sostanzjali mill-kumpanija, kinitx taf b’dan it-tibdil propost.

L-SĦPN qal li l-ħaddiema fakkru li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, f’laqgħa li saret apposta mill-Partit Laburista għal dawn l-istess ħaddiema fir-Rialto Bormla, huma kienu mwiegħda li l-impieg u l-benefiċċji li jgawdu minnhom bħalissa m’humiex se jintmissu. Dakinhar kienu imwiegħda wkoll li t-take home pay tagħhom se tibqa’ l-istess.

Għalhekk l-SĦPN ħeġġeġ lill-Unions li jirrapreżentaw lill-ħaddiema sabiex mill-iktar fis jiltaqgħu mal-amministrazzjoni tal-Enemalta sabiex jiċċaraw dawn il-punti, u jassiguraw is-serħan il-moħħ l-imjegati tal-Enemalta.