Il-President George Abela, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W Vella, kellhom laqgħa fil-Vatikan mas-Segretarju tal-Istat il-Kardinal Pietro Parolin, li kien akkumpanjat mis-Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati, l-Arċisqof Dominique Mamberti.
Iż-żewġ naħat qablu li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Vatikan huma tajbin ħafna. In-naħa Maltija rrimarkat li filwaqt li Malta bħala stat lajk trid tagħti spazju u tħares id-drittijiet ta’ kulħadd u li fiż-żmien tal-lum huwa diffiċli li tikkonserva l-istruttura tal-familja tradizzjonali.
Il-President Abela rrefera wkoll għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari, u qal li Malta ma għandhiex il-kapaċità li tkompli ġġorr piż sproporzjonat għad-daqs tagħha u għaldaqstant għandu jkun hemm responsibility sharing mill-pajjiżi Ewropej. Il-Ministru Vella irrimarka illi waqt li l-pajjiżi Ewropej għandhom il-problemi tagħhom bl-immigrazzjoni irregolari, Malta tistenna li l-wegħdiet li saru fil-Kunsill Ewropew speċjalment wara li ġie ppreżentat ir-rapport tat-Task Force għall-Mediterran li kien waqqaf dan l-istess Kunsill, jitwettqu. Il-Kardinal Parolin, li wera interess f’din il-kwistjoni, semma li idealment il-problema tkun indirizzata fis-sors tagħha.
Kienet ittrattata wkoll il-kwistjoni tal-abort, fejn il-Ministru Vella saħaq li Malta dejjem tagħmel il-pożizzjoni tagħha kontra l-abort ċara fl-organizzazzjonijiet internazzjonali meta tkun diskussa t-tema tas-Sexual and Reproductive Health Rights.
Ġie diskuss wkoll id-dħul tad-divorzju fl-2011 u ż-żewġ naħat irreferew ukoll għall-ftehim riċenti li laħqu fuq iż-żwiġijiet.
Il-Kardinal Parolin, filwaqt li rrikonoxxa li s-sitwazzjoni f’pajjiż tevolvi, awgura li Malta tibqa’ żżomm l-għeruq Kristjana tagħha.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fl-Afrika ta’ fuq, partikolarment fil-Libja u t-Tuneżija.
Il-Kardinal Parolin awgura lill-President Abela u rringrazzjah għaż-żjara li għamel fil-Vatikan.
//= $special ?>

