Lokali

BIL-KUMMENTI: Is-Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar se jirriżenja fil-bidu ta’ April

[youtube width=”500px” height=”300px”]4eRIbRgH6RI[/youtube]

Is-Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Bahar, Mario Salerno ikkonferma ma’ maltarightnow.com li hu se jirriżenja mill-kariga ta’ Sindku fl-ewwel ġimgħa ta’ April. Mario Salerno ħa sehem fil-laqgħa għas-Sindki li saret mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u matulha hu ħabbar ukoll li kien se jirriżenja minn Sindku imma se jkompli fil-ħidma tiegħu fil-Kunsill bħala Kunsillier.

Hu qal li jrid li fl-aħħar sena ta’ din il-leġislatura tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar titrawwem persuna ġdida fil-kariga ta’ Sindku biex tieħu l-esperjenza tant meħtieġa. Mario Salerno qal li bħala Kunsillier se jkollu iktar ħin jiltaqa’ man-nies.

Issa l-attenzjoni kollha għalhekk iddur fuq min se jieħu post Mario Salerno bħala Sindku f’San Pawl il-Baħar. Jidher li l-favorit hu l-Kunsillier Laburista Raymond Tabone, li ilu Kunsillier għal numru ta’ snin imma qatt ma serva bħala Sindku.

Is-sorsi ta’ maltarightnow.com qalu li meta fl-aħħar elezzjoni, Mario Salerno, li mhux minn San Pawl, laħaq Sindku, Raymond Tabone xejn ma ħadha tajjeb. Tant li sa mill-ewwel laqgħa tal-Kunsill, deher fiċ-ċar li jeżisti diżgwid bejn Tabone u Salerno. Mario Salerno serva wkoll għal diversi snin bħala Sindku f’Ħal Kirkop.

B’hekk, ir-rizenja ta’ Mario Salerno mistennija tkun it-tielet riżenja għall-Partit Laburista fil-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar. Fis-sentejn li għaddew, minbarra Jason Camilleri li kien irriżenja wara li ħa tender mill-Kunsill, irriżenja wkoll Carmel Hili. Issa, ma’ dawn, mistenni jingħaqad Mario Salerno li se jibqa Kunsillier.

Sadattant minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar il-Kunsilli Lokali li sar f’Diċembru li għadda u li kien ippreżentat waqt il-laqgha, jirriżulta li kien hemm tnaqqis qawwi fuq is-sodisfazzjon tan-nies dwar kif il-Kunsilli Lokali imexxu l-affarijiet.

Ħafna nies jaħsbu li l-Kunsilli Lokali m’għandhomx impatt qawwi fuq il-ħajja ta’ kuljum u erba’ minn kull għaxar persuni mhux sodisfatti mis-sistema tal-wardens. 35 fil-mija jaħsbu li l-Kunsilli Lokali jipprovdu servizz tajjeb skont il-valur tal-flus.

L-istħarriġ kien ippreżentat minn Marika Fsadni, Managing Director ta’ M.Fsadni & Associates.