Futbol Sport

Kooh Sohna jpoġġi lil Pietà lura fil-Premier

LIJA A. ……………………. 2
PIETA H. ………………… 2

Lija A> M. Camilleri, T. Fleri Soler (L. Micallef), C. Giordemaina, D. Vukovic, D. Scerri, E. Briffa (G. Calabretta), M. Potezika, J.P. Scerri, B. Antignolo (M. Fleri Soler), K. Aleksandrov, A. Adeshina Ige.

Pieta H – D. Cassar, C. Attard, O. Anonam, C. Grech, J. Pisani (A. Spiteri), Q. Refalo, J. Zarate, K. Cesare (J. Ani), R. Costa Varella, T. Agius (M. Borg), R. Kooh Sohna

Referee> Jude Amin Utulu

Wara nuqqas ta’ sitt snin Pietà Hotspur irritornaw fil-Kampjonat Premier meta kisbu l-punt li kellhom bżon fil-konfront dirett kontra t-tim fit-tielet post tal-klassifika Lija Athletics. Għal darb’oħra reġa’ kien l-attakkant mill-Kamerun Raphael Kooh Sohna li skorja l-gowls deċiżivi biex Pieta kisbu l-punt meħtieġ li jpoġġihom lura mal-kbar.

Ir-riżultat tal-logħba kien ġust fejn wara bidu tajjeb minn Pietà kien hemm ir-ritorn ta’ Lija li f’nofs it-tieni taqsima saħansitra dawru r-riżultat favur tagħhom iżda t-tieni gowl ta’ Kooh Sohna serraħ ras il-partitarji numerużi ta’ Pieta, biex it-tim immexxi minn Noel Coleiro laħaq l-għan tiegħu u kiseb promozzjoni meritata wara staġun sħiħ dejjem fl-ewwel postijiet.

Bidu tajjeb minn Pietà li mill-ewwel ħadu l-kontroll tal-logħba f’idejhom hu resqu qrib b’xutt ta’ Jurgen Pisani li mar għoli. Lija wieġbu b’daqqa ta’ ras ta’ Aleksandrov wara freekick ta’ Antignolo u fl-14-il minuta Kooh Sohna waħdu kellu x-xutt imblukkat minn Scerri.

Wara dan il-bidu favur Pietà l-logħba saret iktar kwieta bil-Hotspurs jikkontrollaw iżda Lija bdew ikunu iktar avventurużi. Fit-32 minuta kross shot perikoluż ta’ Cesare li Matthew Camilleri dawwar f’korner b’diffikultà u minuta wara xutt ta’ Quilin Refalo għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta.

Fis-36 minuta Pietà marru fil-vantaġġ meta Jurgen Pisani kellu ġirja tajba fuq ix-xellug u qassam għan-nofs fejn RAPHAEL KOOH SOHNA daħal tajjeb, matter siequ u xeħet fix-xibka. Minuta wara azzjoni personali ta’ Ricardo Costa u xutt ftit barra.

Żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima inċertezza fid-difiża ta’ Pieta, fejn Ige avvanza waħdu iżda kien ostakolat, forsi b’mod irregolari minn Anonam, bir-referee jħalli kollox għaddej.

Sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Pietà sfortunati meta xutt bomba ta’ Kyle Cesare stampa mal-mimduda. Il-logħba kienet monotona fit-tieni taqsima sakemm fit-62 minuta s-sostitut CALABRETTA kompla ġewwa mill-viċin u temm azzjoni sabiħa li spiċċat bi kross preċiż ta’ Timothy Fleri Soler lejn Calabretta.

Żewġ minuti wara Lija fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ korner kien KIRIL ALEKSANDROV li b’daqqa ta’ ras mill-viċin xeħet fix-xibka. Pietà dehru maħsuda anki jekk wieġbu b’xutt fjakk ta’ Ricardo Costa.

Fit-72 minuta Pieta kisbu l-gowl tad-draw meta minn korner ta’ Agius, Christian Grech xeħet għan-nofs u mill-viċin KOOH SOHNA bir-ras kompla fis-saqaf tax-xibka.Fl-aħħar minuti iż-żewġ naħat kienu kuntenti bir-riżultat u mat-tisfira finali Pietà setgħu jibdew jiċċelebraw il-promozzjoni.