Lokali

Rata baxxa ta’ nisa maħtura fuq bordijiet tal-Gvern

Qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien wiegħed li se jmexxi l-aktar Gvern femminista fl-istorja.

U fl-aħħar jiem, kemm meta ħabbar in-nomina ta’ Marie Louise Coleiro Preca għal President u anke meta stqarrija tal-Gvern ħabbret li l-Kabinett qabel li jinħatru żewġ nisa fil-Ġudikatura, fosthom il-kandidata Laburista Joanne Vella Cushieri bħala Maġistrat, intqal li dawn il-ħatriet huma fil-linja tar-rieda tal-Prim Ministru Muscat li jmexxi l-aktar Gvern femminista fl-istorja ta’ pajjiżna.

Iżda minkejja f’dan kollu, ir-realtà fejn għandu x’jaqsam mal-ħatriet ta’ nisa mill-Gvern Laburista hi ferm differenti. Speċjalment fil-Bordijiet tal-Gvern, għall-kuntarju ta’ dak li kien iseħħ fi żmien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista meta kienet policy li minimu ta’ 40 fil-mija tal-persuni maħtura fuq bordijiet pubbliċi jkunu nisa.

Din il-policy ftit li xejn qed tiġi segwita mill-Gvern preżenti, kif joħroġ minn għadd ta’ mistoqsijiet Parlamentari li saru mis-Segretarju Ġenerali tal-PN u Deputat Nazzjonalista Chris Said li f’sensiela ta’ domandi li għamel fil-Parlament staqsa fuq il-preżenza ta’ nisa fil-bordijiet li jaqgħu taħt kull Ministeru tal-Gvern Laburista.

Mit-tweġibiet għal dawn id-domandi jirriżulta li l-Ministeru mmexxi mill-Viċi Prim Ministru Louis Grech u li huwa l-Ministeru responsabbli li jara li jitwettqu l-wegħdiet fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, ħatar l-inqas ammont ta’ nisa f’bordijiet. Fil-ħatriet tiegħu kellu biss tmienja fil-mija li huma nisa biex minn total ta’ sitta u għoxrin persuna kien hemm biss żewġ nisa li nhatru f’Bordijiet minn dan il-Ministeru.

Wara, bl-iktar ammont baxx ta’ nisa maħtura f’bordijiet, jiġi l-Ministeru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma mmexxi mill-Ministru Konrad Mizzi, fejn minn total ta’ madwar ħamsa u għoxrin persuna maħtura fil-bordijiet tal-Enemalta, l-Awtorità Maltija tar-Riżorsi u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, kien hemm biss tliet nisa. Jiġifieri l-persentaġġ ta’ nisa jammonta għal madwar tnax fil-mija biss.

Imbagħad, minkejja l-ftaħir tal-Prim Ministru Muscat, bit-tielet l-inqas ammont ta’ nisa, jiġi proprju l-uffiċċju tal-Prim Ministru li minn madwar mija u sittin persuna li ħatar fuq bordijiet differenti, wieħed u għoxrin biss huma nisa. Dan ifisser li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru immexxi mill-Prim Ministru innifsu li wiegħed Gvern l-iktar femminista fl-istorja ta’ pajjiżna għandu biss madwar tlettax fil-mija li huma nisa mill-ammont ta’ persuni fuq bordijiet pubbliċi. Il-parti l-kbira tal-34 bord li jaqgħu direttament taħt l-uffiċċju tal-Prim Minsitru – u li ġew elenkati fit-tweġiba parlamentari li ta Muscat lil Chris Said – m’għandhomx lanqas mara waħda.