Sport Waterpolo

Rebħiet diffiċli għal Sliema u San Ġiljan

Rimonta tajba
Sirens Ritter Sport…….9
Sliema Frank Salt…….14
(4-1),(3-2),(0-7),(2-4)
Sliema Frank Salt irnexxilhom idawru telfa f’rebħa meta b’rimonta brillanti għelbu lil Sirens Ritter Sport 14-9. Is-Slimiżi kellhom bidu negattiv wara li kienu fi żvantaġġ ta’ erba’ gowls iżda l-iżvolta tal-partita seħħet fit-tielet sessjoni b’Sliema jiskorjaw seba’ gowls mingħajr risposta biex qelbu l-iskor. Sirens wara żewġ sessjonijiet tajbin sofrew min-nuqqas ta’ esperjenza u ma rnexxilhomx jikkontrollaw il-partita.
Sirens bdew il-partita tajjeb u skorjaw erba’ mingħajr risposta b’żewġ gowls ta’ Zak Mizzi, David Cutajar u Marc Grech iżda sa tmiem is-sessjoni Mark Meli naqqas il-marġni tal-iskor. Fit-tieni sessjoni Sirens marru saħansitra 6-1 fil-vantaġġ. Sliema wieġbu b’żewġ gowls minn Meli u Gabarretta iżda Pace għamel l-iskor 7-3 biex fil-mistrieħ daħlu erba’ gowls vantaġġ.
Iżda Sliema ħarġu l-aħjar tagħhom fit-tielet sessjoni u ħasdu lil Sirens b’żewġ gowls ta’ Gabarretta u gowl kull wieħed ta’ Soler, Lubrano, Meli, Brownrigg u Aquilina biex sa tmiem is-sessjoni Sliema kienu qed igawdu tliet gowls vantaġġ. Sirens setgħu reġgħu daħlu fil-partita fil-bidu tal-aħħar sessjoni iżda Napier falla penalty biex mill-istess azzjoni Gabbarretta għamilhom 11-7 u minuta wara reġa’ kabbar l-iskor. L-aqwa skorer ta’ Sirens Zak Mizzi skorja żewġ gowls konsekuttivi iżda Alex Attard u Edward Aquilina għamlu l-iskor finali 14-9.
Sliema> R. Coleiro, J. Gabarretta (5), N. Lubrano (1), T. Sullivan, M. Meli (3), J. Soler (1), J. Borg, C. Cluett, J. Brownrigg (1), E. Aquilina (2), A. Attard (1), N. Bugelli, K. Schembri
Sirens> N. Grixti, Z. Mizzi (5), G. Merten, G. Pace (1), M. Grech (1), A. Sammut, M. Caruana, D. Cutajar (1), J. Napier, G. Debono, L. Caruana (1), J. Zampa, M. Pisani, A. Camenzuli, M. Agius
Referees> Massimo Angileri, Ronnie Spiteri
Rebħa bi tbatija
San Ġiljan All Care……7
Exiles Ferretti……………4
(4-2),(0-0),(1-1),(2-1)
San Ġiljan All Care Insurance kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat meta tħabtu iktar milli mistenni biex għelbu lil Exiles Ferretti 7-4. Il-partita kienet pjuttost bilanċjata b’Exiles jiddefendu tajjeb iżda San Ġiljan kienu wisq eratiċi u ma rnexxilhomx jagħlqu l-partita biex Exiles baqgħu fil-partita sal-aħħar sekondi tal-partita. B’din ir-rebħa diffiċli San Ġiljan jitilgħu fit-tieni post b’sitt punti.
San Ġiljan rebħu l-ewwel sessjoni 4-2 b’żewġ gowls taż-żagħżugħ Kai Dowling u gowl kull wieħed ta’ Matthew u Dino Zammit. Għal Exiles skorjaw Kurt Griscti u David Pace Lupi. Fit-tieni sessjoni, il-partita naqqset ir-ritmu tant hu hekk li ma kien hemm l-ebda gowl biex sal-mistrieħ id-distakk kien ta’ żewġ gowls.
It-tielet sessjoni dehret li riesqa wkoll mingħajr gowls iżda Pace Lupi għamel l-iskor 4-3 lejn tmiem is-sessjoni. Iżda Dino Zammit skorja t-tieni gowl personali biex għamel l-iskor 5-3. F’nofs l-aħħar sessjoni Kayne Lanzon naqqas id-distakk. Iżda wara li Matthew Zammit falla penalty, l-istess Matthew Zammit ftit wara reġa’ kabbar id-distakk għal żewġ gowls biex lejn it-tmiem Dino Zammit għalaq il-partita biex San Ġiljan rebħu 7-4.
San Ġiljan> D. Camilleri, C. Spiteri Debarro, A. Galea, K. Galea, K. Dowling (2), M. Zammit (2), K. Galea, A. Bianchi, B. Plumpton, J.C. Cutajar, P. Fava, Di. Zammit (3), Da. Zammit, J. Sammut, D. Spiteri
Exiles> I. Bugeja, J. Rizzo Naudi, S. Vassallo, D. Pace Lupi (2), P. Paris, N. Portelli, J. Spiteri Staines, K. Griscti (1), M. Paris, P. Borg, B. Lanzon, S. Galea Pace, K. Lanzon (1), L. Borg, L. Peric
 
Referees> Alex De Raffaele, Stefan Licari