Futbol Sport

Rimonta oħra impressjonanti minn Mosta

Balzan………………..2
Mosta…………………4

Balzan> M. Bartolo, J. Grioli, A. Scicluna, Ramon, S. Bezzina, E. Zarate, F. Vignaroli, P. Calcado, L. Micallef, R. Darmain, J. Negrin
Sost> L. Sciberras flok J. Negrin (68 min.)

Mosta> O. Borg, R. Ekani, I. Grech, M. Brincat, A. Carrozza, K. Zammit, M. Micallef, R. Faria, I. Zammit, C. Martins, B. Kaljevic
Sost> D. Pereira flok R. Faria (46 min), J. Brincat flok K. Zammit (53 min), K. Frendo flok C. Martins (88 min)

Skorjaw> R. Darmanin (39, 51 min) (B)< B. Kaljevic (66 min)< D. Pereira (72 min), C. Martins (77 min) (M)

Imwissija> P. Calcado (B)

Referee> Tim Marshall (Irlanda ta’ Fuq)

Il-mument plejer tal-logħba> Ryan Darmanin (B)

Mosta żammew it-tradizzjoni tagħhom dan l-istaġun u wettqu rimonta oħra din id-darba fuq Balzan wara li kienu żewġ gowls minn taħt. Il-partita kienet ikkontrollata mir-referi mill-Irlanda ta’ Fuq, Tim Marshall.

Balzan urew logħob aħjar fl-ewwel parti u kienu huma li ħolqu l-ewwel azzjoni meta Borg salva mill-viċin xutt ta’ Negrin.

Fid-39 minuta, minn kross ta’ Calcado, Ryan DARMANIN xellef il-ballun bi ftit iżda kien biżżejjed biex spiċċa fir-rokna tax-xibka.

Sekondi qabel intemmet l-ewwel taqsima, Darmanin kien viċin li jkompli jimmarka r-ritorn tiegħu mal-ewwel ħdax, meta wara li rċieva mingħand Negrin, fajjar xutt b’saħħtu li ħareġ l-aħjar tal-gowlkiper Mosti.

Fit-tieni taqsima Balzan dehru li se jkomplu fejn ħallew qabel daħlu jistrieħu meta wara biss ħames minuti, fetħu vantaġġ doppju. Calcado seraq ballun min-nofs il-grawnd, avvanza, qassam lejn Ryan DARMANIN li ħa l-ħin kollu biex b’xutt fir-rokna skorja t-tieni gowl tiegħu.
Madankollu din kienet l-aħħar azzjoni ta’ Balzan għax minn hawn ‘il quddiem Mosta ħadu l-partita f’idejhom u bdew rimonta impressjonanti.

Ftit minuti fuq is-siegħa logħob, minn kross tas-sostitut James Brincat, is-sostitut l-ieħor Pereira niżżel bir-ras lejn Bojan KALJEVIC li mill-viċin għeleb lil Bartolo.

Ħames minuti wara, Mosta laħqu lill-avversarji meta x-xutt ta’ Micallef minn barra l-kaxxa ħabat mal-mimduda, iżda Diego PEREIRA kien pront u tefa’ ġewwa bir-ras.

Ħames minuti wara, Mosta marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta Cristian MARTIN għeleb lil Bartolo b’xutt preċiż minn barra l-kaxxa li ħoloq ewforija sħiħa fost il-partitarji Mostin.

Malli skorrew id-90 minuta, Mano MICALLEF żied iċ-ċirasa fuq il-kejk meta ħa ballun min-nofs il-grawnd, baqa’ javvanza, għadda minn qalb id-difiża avversarja u skorja r-raba’ gowl Mosti.

B’dan ir-riżultat, Mosta komplew bis-serje pożittiva wara li kienu żammew lil Valletta u Sliema, u issa laħqu lill-istess Sliema fir-raba’ post.