Id-dimensja hija problema li kull ma jmur iktar qed taffettwa lil poplu Malti, speċjalment minħabba li l-popolazzjoni Maltija qed tgħix iktar fit-tul.
U filfatt, id-dimensja kienet fil-qofol ta’ seminar pubbliku li sar dalgħodu fil-Lukanda Grand Hotel Excelsior fil-Furjana.
Seminar li matulu ġiet spjegata l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja li se jkun qed jitnieda fix-xhur li ġejjin, bl-għan li l-persuni morda bid-dimensja jingħataw il-kura meħtieġa biex jegħlbu d-diffikultajiet tal-marda tagħhom.
L-għan tas-seminar kien fuq kollox li jservi bħala lok għal konsultazzjoni mal-pubbliku, b’dawk preżenti jikkontribwixxu fit-tfassil ta’ din l-istrateġija, qabel ma din tidħol fis-seħħ.
Preżenti għall-attività kien hemm il-Ministru għal Familja u s-Solidarjetà Soċjali Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva Franco Mercieca.
Attenda wkoll id-deputat Nazzjonalista Mario Galea, li matul il-leġiżlatura li għaddiet waqqaf il-kumitat li permezz tiegħu sar ix-xogħol fuq din l-istrateġija nazzjonali. Fl-aħħar leġiżlatura kienu twaqqfu wkoll numru ta’ swali ġodda fl-isptar San Vinċenz de Paul iddedikati apposta għal persuni morda bid-dimensja, filwaqt li ngħata taħriġ apposta lil dawk kollha li jaħdmu ma’ dawn l-individwi.
//= $special ?>