Lokali

Tlesta l-proġett Malti ta’ Ċentru tas-Saħħa fil-Ghana

Iċ-ċentru tas-Saħħa fil-Ghana, HopeXchange se jibda jwettaq operazzjonijiet fuq tfal li twieldu b’malformazzjoni f’wiċċhom.

Ħabbar dan il-fundatur u president ta’ dan iċ-ċentru, Mario Capello waqt konferenza tal-aħbarijiet abbord, Aircraft Carrier Taljan, Cavour, li kien qed jagħmel żjara fil-Ghana bħala parti minn missjonijiet diversi li jinkludu ħidma umanitajra. Dan kien l-ewwel aircraft carrier li daħal fil-Ghana fl-aħħar 57 sena, mindu l-Ghana ħadet l-Indipendenza.

Fl-indirizz tiegħu, Mario Capello saħaq li ċ-Ċentru Malti tas-Saħħa fil-Ghana hu stabbilit fuq prinċipji fundamentali għall-kura tas-saħħa effettiva. Hu saħaq fuq l-importanza li ċ-ċentru jkun sostenibbli, konsistenti u bi pjan fit-tul biex jilħaq lil dawk li jiġu bżonnu.

Iċ-ċentru HopeXchange twaqqaf grazzi għad-donazzjonijiet li nġabru mill-gżejjer Maltin permezz tal-Ghana Mission Foundation – fondazzjoni li qed tiċċelebra l-15-il sena mit-twaqqif tagħha.

Matul is-snin il-Fondazzjoni kompliet tiġbor il-flus għat-tisħiħ ta’ dan l-isptar li llum tlesta, fih 80 sodda u jispeċjalizza f’ħames oqsma differenti.

Barra l-bini saru wkoll borehole, sistema biex jissaħħan l-ilma permezz tar-raġġi tax-xemx u s-sistema ta’ Bio-Gas biex tipproduċi l-gass mid-drenaġġ. Inxtara wkoll l-apparat li hemm bżonn biex tiġi attrezzata l-ewwel sala tal-operazzjonijiet fl-isptar. Barra minn dan, saru ħafna kuntatti biex illum HopeXchange għandu ‘l fuq minn għoxrin organizzazzjoni minn madwar id-dinja li lesti jagħtu l-kontribut speċjalizzat tagħhom b’mod volontarju.

Il-Professur Tisir Agbenyega, l-Amministratur Akkademiku Prinċipali tal-Università tax-Xjenza f’Kumasi, iddeskriva x-xogħol ta’ HopeXchange bħala mod ġdid ta’ kif tittejjeb il-kura tas-saħħa fl-Afrika. Qal li din il-ħidma hi ċ-ċavetta li qed tingħata lill-Afrikani bħala tama għall-futur.