Il-futur tal-Port ta’ Marsaxlokk se jkun deċiż f’laqgħa tal-MEPA għada filgħodu: laqgħa li fiha l-membri tal-Bord tal-MEPA se jkollhom ir-responsabbilta’ li jiddeċiedu jekk it-tanker ta’ 300 metru b’ħażna ta’ 140 elf metru kubu ta’ gass LNG jiġix ankrat f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk, kuntrarju għal dak li jridu r-residenti u kontra l-pariri kollha tal-esperti.
Din id-deċiżjoni għandha importanza kbira għaliex se tkun qed taffettwa bil-kbir diversi aspetti tal-komunita’ ta’ Marsaxlokk, kif ukoll ta’ Birżebbuġa u żoni oħra tal-madwar.
Fl-aħħar ġimgħat id-deċiżjoni tal-Gvern li jankra dan it-tanker proprju fil-bajja ta’ Marsaxlokk qanqlet kontroversja u sabet oppożizzjoni mis-setturi kollha tas-soċjeta’, fuq quddiem ir-residenti li aktar minn 90 fil-mija minnhom huma kontra li dan it-tanker jitpoġġa ‘l ġewwa fil-Port.
F’isem ir-residenti, is-Segretarju tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd Ray Bugeja saħansitra ressaq ittra uffiċjali ġudizzjarja fil-Qorti li talabha twaqqaf lil MEPA milli tiddeċiedi u għalissa tipposponi d-deċiżjoni sakemm isir studju dwar l-impatt marittimu.
Kienu wkoll diversi l-esperti lokali kif ukoll barranin li kkritikaw din id-deċiżjoni u li spjegaw li dan it-tanker bil-gass ipoġġi riskju kbir fuq il-komunitajiet taż-żona waqt li se joħloq anki diffikultajiet għal vapuri li jidħlu fil-Port Ħieles.
Dan minbarra l-problemi li se jinħolqu għas-sajjieda taż-żona li wkoll semmgħu leħinhom b’qawwa kbira kontra dan il-pjan li ma kienx imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern Laburista. Hu obbligatorju li madwar dan it-tanker tinħoloq ukoll żona kbira ta’ sigurta’ li fiha ma tkun tista’ tidħol l-ebda dgħajsa.
Dan filwaqt li meta t-tanker ikun qed jimtela bil-gass permezz ta’ vapuri oħra, il-port ta’ Marasxlokk irid jingħalaq.
Fl-istess waqt li qed ikun kkritikat għal din id-deċiżjoni li jpoġġi t-tanker fil-Port ta’ Marsaxlokk, il-Gvern qed jirrifjuta wkoll li jikkunsidra proposta biex it-tanker jitpoġġa ‘l barra mill-port ta’ Marsaxlokk: l-istess kif sar f’Livorno fejn titħaddem sistema simili.
Il-Gvern qed jgħid li din il-proposta tiġi tiswa wisq u li anke din il-proposta għandha diversi riskji marbuta magħha. Oriġinarjament mal-proposta li t-tanker jitpoġġa barra l-port kien qed jaqbel ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk iżda wara żviluppi fl-aħħar ġranet, dan il-Kunsill b’maġġoranza Laburista biddel il-pożizzjoni u issa qed jaqbel mat-tanker tal-gass ‘l ġewwa fil-bajja tal-lokal tiegħu stess.
Fil-kritika tagħhom, l-esperti lokali u barranin identifikaw numru ta’ riskji marbuta ma’ dan it-tanker fosthom li ftit ħruġ ta’ gass jista’ joħloq spluzjoni li jkollha effetti mhux biss fuq il-komunita’ iżda wkoll fuq il-power station ta’ Delimara.
Jirriżulta li jkun diffiċli li jekk joħroġ il-gass dan ikun identifikat għaliex l-LNG ma jinxtammx, bil-konsegwenza li sempliċiment ħruq ta’ sigarett jista’ jkun kaġun ta’ splużjoni wara li tkun ifformata sħaba ta’ gass fl-arja.
Minkejja li r-riskji ta’ splużjoni qed jingħad li huma żgħar, ir-residenti qed isostnu li ħadd ma jaf meta tista’ tkun dik il-ġurnata. Preokupazzjoni qawwija tar-residenti hi li mhux l-ewwel darba li f’pajjiżi barranin seħħew splużjonijiet minn impjanti tal-gass li wkoll ikunu taw il-garanziji meħtieġa qabel kisbu l-approvazzjoni.
//= $special ?>

