Lokali

Il-Gvern jibqa’ sieket

Skiet mill-Gvern dwar jekk hux qed jikkunsidra li jirtira l-Midalja tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu lil persuna li tinsab fil-mira tas-sanzjonijiet mill-UE u l-Istati Uniti.
Valentina Matviyenko, il-President tas-Senat Russu u qrib ħafna tal-President Russu Vladimir Putin hi waħda minn fost aktar minn 20 kollaboratur ta’ Putin li spiċċaw fil-mira ta’ sanzjonijiet fuq l-assi tagħhom u anki li ma jistgħux jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti u pajjiżi tal-UE.
Iżda l-eks Ambaxxatriċi Russa għal Malta u ħabiba tal-President Russu hija wkoll waħda mill-individwi onorati mill-Istat Malti f’Diċembru li għadda. Filfatt, fit-13 ta’ Diċembru li għadda, il-Gvern Laburista Malti kien ta lil Valentina Matviyenko l-medalja għall-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.
Biss, hekk kif minn dil-ġimgha Matviyenko spiċċat fil-lista s-sewda tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti, l-Uffiċju tal-President ta’ Malta u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għażlu li jibqgħu siekta dwar jekk humiex se jieħdu xi deċiżjoni li tirrevoka d-deċiżjoni li ħa l-Istat Malti f’Diċembru.
U għaldaqstant, dan is-sit għamel numru ta’ mistoqsijiet lil Ministeru tal-Affarijiet Barranin, fosthom jekk dan ir-rikonoxximent hux se jkun revokat u jekk le, għaliex, meta hemm deċiżjoni unanima fl-Unjoni Ewropea.
Staqsejna wkoll jekk għallinqas inbediex il-proċess biex dan il-mertu jiġi revokat u jekk sarx kuntatt bejn il-Gvern Malti jew l-awtoritajiet koncernati Maltin ma’ Marviyenko dwar dan l-iżvilupp li jikkonċerna lilha u lill-awtoritajiet Maltin.