Lokali

Il-Prim Ministru isostni li qed jagħmel l-aħjar għażla

Iffaċċjat minn opinjoni pubblika negattiva għad-deċiżjoni tal-Gvern li jankra tanker daqs tliet grounds tal-futbol li jaħżen il-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk, il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ jsostni li din hi l-aħjar għażla u jevita li jirriferi għall-għażla l-oħra li dan it-tanker jitpoġġa l barra mill-port kif sar f’pajjiżi barranin.
Propju kienet din il-kritika qawwija mill-komunitajiet ta’ Marsaxlokk u Birżebbbuġa li wasslu lill-PL biex l-Ħadd filgħodu jagħmel wirja  ta’ saħħa u appoġġ propju  f’wieħed mil-lokalitajiet milquta.
Għalhekk dik li kellha tkun laqgħa normali tal-Ħadd filgħodu fil-Każin Laburista ta’ Birzebbuga kienet żviluppata ta’ malajr f’laqgħa ikbar bil-Mexxej Laburista jitkellem fit-triq. Din kienet ukoll reazzjoni Laburista għar-rally li l-PN organizza f’Marsaxlokk fl-istess waqt.
Quddiem dawn id-deċiżjonijiet mgħaġġla mill-amministrazzjoni Laburista, mhux magħruf  jekk saritx applikazzjoni mal-Pulizija u jekk il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa kienx ikkonsultat biex jinħarġu l-permessi neċessarji.
Lil hinn minn din l-istrateġija, fid-diskors tiegħu f’Birżebbuġa l-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista jinsab fuq in-naħa t-tajba tal-istorja  u nsista li l-PN għandu jinżel għarkubbtejh u jitlob skuża lin-nies tan-naħa  t’isfel ta’ Malta għall-proġetti li saru tul il-25 sena ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti. Skont il-Mexxej Laburista, din iż-żona ta’ Malta saret miżbla.
Il-Mexxej Laburista qal li l-esperti li qabbad il-Gvern qed jgħidu li ma jeżistu l-ebda perikli bit-tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk.
F’dan il-kuntest Muscat akkuża lill-Oppożizzjoni li qed tbeżża’ bil-kritika tagħha u qal li l-Gvern għamel l-istudji kollha biex iddeċieda li jpoġġi t-tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Joseph Muscat sostna li dan it-tanker se jkun qed isalpa hekk kif jitlesta l-pipeline li jipprovdi l-gass u għalhekk mhux se jħalli impatti ambjentali.
Filwaqt li semma l-Port Ħieles, Muscat qal li l-Kabinett ta’ Gvern Nazzjonalista ħa deċiżjoni li l-Free Port ma jħallas l-obbligu ta’ €800,000 li kien obbligat iħallas bħala kontirbut lis-soċjeta ta’ Birżebbuġa għall-proġett li għamel fil-lokal tagħhom. Muscat wiegħed lil Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li se jkun qed jassistieh biex jieħu l-passi meħtieġa.
Fl-isfond tal-kritika tal-Oppożizzjoni dwar ir-riskju marbut mat-tanker tal-gass, Joseph Muscat sostna li hu ma kienx se joqgħod jaħli hin fuq il-kritika ta’ Simon Busuttil għaliex irid ikun iffukat fuq ix-xogħol tal-pajjiż.