L-Ewroparlamentari u Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Joseph Cuschieri qed jistenna li jieħu post il-Ministru Marie Louise Coleiro Preca ladarba tirriżenja mill-Parlament u tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala President ta’ Malta ġimgħatejn oħra.
Il-gazzetta il-mument tikkwota sorsi fi ħdan il-Partit Laburista u li huma qrib Joseph Cuschieri jgħidu li issa hu l-waqt biex il-PM Joseph Muscat juri bil-fatti l-apprezzament tiegħu għas-sagrifiċċju li kien għamel Cuschieri fl-2008 u ma jkunx biss inqeda bih bhalma inqeda b’ħafna oħrajn.
Fil-fatt, kien Joseph Cuschieri li ċeda postu biex ikun co-opted Joseph Muscat fil-Parlament u jsir Kap tal-Oppożizzjoni.
L-istess sorsi jgħidu li Cuschieri – li uffiċjalment qatt ma ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew – jinsab urtat għall-imbotattura sfaċċata li qed jagħti Muscat lil kandidati favoriti tieghu, l-eks PM Alfred Sant, Cyrus Engerer u Miriam Dalli filwaqt li l-kandidati l-oħra spiċċaw vażuni għad-dehra.
Hu mifhum ukoll li Joseph Cuschieri hu kontra li ssir elezzjoni każwali biex jimtela’ s-siġġu parlamentari battal ta’ Marie Louis Coleiro Preca. Dan għaliex hu ċar li flok Coleiro Preca se jiġi elett Charles Mangion li, skont Joseph Cuschieri, m’għandu bżonn l-ebda siġġu fil-Parlament meta għaddej tajjeb idaħħal flus fin-negozju u fil-kariga tiegħu bħala Chairman tal-Enemalta.
Is-sorsi qrib l-MEP Laburista qalu wkoll li dak li għamel Joseph Cuschieri fl-2008 għamlu għax iħobb tassew lill-Partit Laburista u issa hu l-mument li Joseph Muscat juri l-apprezzament tiegħu u jirreċiproka.
//= $special ?>

