Filwaqt li t-Tnejn filgħodu l-MEPA mistennija tieħu deċiżjoni dwar jekk il-bastiment LNG Gemini għandux ikun ankrat f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk, residenti min-Nofsinhar ta’ Malta iffirmaw petizzjoni li tressqet lill-UE biex tinvestiga l-periklu ta’ dan it-tanker antik b’tagħbija ta’ gass li għażel li jpoġġi f’dawn l-inħawi il-Gvern imexxi minn Joseph Muscat.
L-ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ippreżentat din il-petizzjoni f’isem ir-residenti u dawk li ma jaqblux ma’ dak li jrid jagħmel il-Gvern f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk biex il-petizzjoni issa tinsab quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet, wara li ġiet ippreżentata wkoll fil-Parlament Ewropew. Il-petizzjoni issa tiġi diskussa mill-Kumitat Parlamentari Ewropew dwar il-Petizzjonijiet u wara tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni Ewropea.
F’intervista ma’ il-mument Roberta Metsola qalet li r-residenti talbuha li tressaq il-petizzjoni biex l-UE tipproteġġi lir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta u tinvestiga l-perikli li se toħloq din id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista. U dan, isostni Metsola għaliex il-Gvern mhux qed jagħti importanza lis-saħħa u lis-sigurtà tagħhom.
Roberta Metsola spjegat li l-Kummissjoni Ewropea kienet ingħatat il-poter li tinvestiga proġetti li jistgħu ikunu ta’ periklu wara splużjoni bil-kimika li kienet seħħet fl-Italja u li minnha żviluppat id-Direttiva li tagħti dan il-poter lil Kummissjoni Ewropea.
Fl-intervista Roberta Metsola enfasizzat li ma sarux biżżejjed studji fuq dan il-proġett. Hi qalet li l-pipeline tal-gass huwa soluzzjoni għall-enerġija iktar sikura u nadifa u sostniet li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra kontijiet irħas iżda huwa mħasseb dwar proġetti li jsiru bl-għaġġla. Tenniet l-għaġġla li għandu l-Gvern biex ilesti dan il-proġett qed ixxekkel l-assessjar tal-proġett tal-Gvern Laburista.
Roberta Metsola żiedet li l-Gvern irid jagħmel totalment l-oppost ta’ dak li għamlu gvernijiet oħra tal-UE fejn ħadu l-prekawzjonijiet meħtieġa u begħdu l-ħażna mill-art. Hi fakkret li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista qatt ma tkellem dwar ħażna tal-gass fil-qalba ta’ Marsaxlokk.
//= $special ?>
