Lokali

Filmat: Maqtula ċikonji mit-13 li kienu qed itiru fuq Malta

Ilbieraħ filgħaxija persuni mhux magħrufa qatlu wħud miċ-ċikonji, 13 b’kollox li kienu qed itiru (filmat), fl-inħawi tal-Magħtab. Kelliem għal Birdlife Malta ħabbar dan il-qtil. Fl-istess waqt, membri tal-għaqda CABS, li nzertaw fl-inħawi, irnexxielhom jiffilmjaw l-isparaturi.

Birdlife Malta kkonfermat ukoll li ċikonja oħra nqatlet fl-inħawi tal-Mosta. Jidher li f’xi ħin ilbieraħ iċ-ċikonji għaddew minn fuq il-ground ta’ Ta’ Qali u ġew innutati wkoll mill-ispettaturi li kienu qed isegwu l-partiti tal-Kampjonat Premier. Jidher ukoll li ċ-ċikonji li ħarbu mit-tiri tal-kaċċaturi sabu kenn f’Ta’ Kandja.

Sadanittant, b’rabta mal-kaċċa u partikolarment mal-insib, fi stqarrija Birdlife Malta u CABS sostnew li min-naħa tagħha l-Pulizija mhix qed tinforza sew id-dmirijiet tagħha f’dan ir-rigward. Intqal li fl-aħħar jiem, tim ta’ sorveljanza ta’ Birdlife u CABS irnexxielhom biss biss jiffilmjaw u josservaw 15-il persuna jagħmlu nsib illegali f’Għawdex, f’Migra l-Ferħa, f’Fomm ir-Riħ, f’Ħad-Dingli, f’Ta’ Baldu, f’Ħal Far u f’Delimara.

CABS u Birdlife sostnew li meta jinfurmaw lill-Pulizija b’dawn il-każijiet, biex effetivament jieħdu azzjoni, il-Pulizija jispiċċaw jaslu fil-post 55 minuta wara u ġieli anke wara siegħa. Kawża ta’ hekk, ħafna min-nassaba jispiċċaw jitilqu mill-post.

CABS u Birdlife qalu li se jkomplu jagħmlu xogħol ta’ monitoraġġ biex jirrappurtaw kull każ ta’ kaċċa jew insib illegali.