Minkejja l-wegħda ta’ Joseph Muscat li se jmexxi l-aktar Gvern femminsta fl-istorja ta’ pajjiżna, kif diġà żvela MaltaRightNow.com, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għandu fost l-anqas persentaġġi ta’ nisa li nħatru fuq bordijiet pubbliċi. Dan joħroġ minn risposti għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari li d-Deputat Nazzjonalista Chris Said għamel lill-Prim Ministru u lill-Ministri.
Mir-risposti fil-Parlament jirriżulta li mill-ħatriet fuq bordijiet li saru mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien hemm 13% biss minnhom li huma nisa. Il-Viċi Prim Ministru u Ministru responsabbli għat-Twettiq tal-Weghdi fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista kellu l-anqas persentaġġ ta’ nisa, jiġifieri 8% biss minn fost dawk li ħatar fuq bordijiet pubbliċi. Dan għall-kuntarju ta’ dak li kien iseħħ fi żmien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, meta kienet policy li minimu ta’ 40% tal-persuni maħtura fuq bordijiet pubbliċi jkunu nisa.
Mit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari li saru fuq il-Ministeri kollha, jirriżulta li diversi Ministeri oħra għandhom rati baxxi ta’ nisa minn fost il-mijiet ta’ persuni li nħatru fuq bordijiet pubbliċi mill-Gvern Laburista mill-elezzjoni ‘l hawn. Il-Ministeru tal-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji Żgħar, immexxi minn Chris Cardona, ħatar biss 20 mara minn fost il-109 persuni fuq bordijiet pubbliċi, jiġifieri 18% biss. Il-Ministeru tat-Turiżmu, immexxi minn Karmenu Vella, għandu persentaġġ ftit ogħla, ta’ madwar 19%, fejn minn total ta’ 149 persuna maħtura fuq bordijiet kien hemm 29 biss li huma nisa.
Imbagħad isegwu il-Ministeri mmexxija minn Joe Mizzi u Manuel Mallia b’madwar 21% u l-Ministeru tad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, imexxi minn Helena Dalli, li għandu biss 23% li huma nisa jew 45 mara biss minn total ta’ 195 persuna maħtura fuq bordijiet.
//= $special ?>

