Lokali

Aġġornata (6): Il-PM jikteb lill-MEPA u jgħid li l-proġett jibda anke jekk jitressaq appell

Aġġornament 6 | 5.20pm: Ftit tal-ħin ilu, fetħet id-diskussjoni għall-membri tal-Bord tal-MEPA, fejn għal mistoqsija tal-Bord, George Papadakis qal li l-proġett fih ir-regolamenti ta’ sigurtà.

Ryan Callus qal li jidher li se titneħħa ċ-ċuminja l-kbira ta’ 150 metru, iżda se jiżdiedu u se jkun hemm sitt iċmieni b’tul totali ta’ aktar minn 300 metru. Waqt li kien qed jitkellem Ryan Callus, persuna mill-pubbliku qalet kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ Callus, bil-persuna ndikata nħarġet barra mis-sala wara waqfa ta’ ftit minuti. Staqsa kemm hi d-domanda u David Galea, Project Manager tal-proġett qal li hi 415MW u bil-lejl 160MW.

Callus staqsa għaliex il-ħażna tal-gass kienet tissemma’ bħala 60,000 metru kubu u issa telgħet għal ħażna ta’ 125,000 metru kubu. David Galea qal li hu fid-dover tal-bidders li jagħżlu. Hu qatt ma kien hemm proposta li jsir FRSU. Callus staqsa għaliex ma sarx studju dwar ħażna ta’ gass barra l-Port. Kien ikkonfermat mill-applikanti li ma sarx studju dwar dan. Wieħed se jkun jista’ jmur b’karozza minn fuq il-jetty.

Ryan Callus staqsa wkoll kif iż-żona se tinżamm f’ignition free kemm fuq l-art, l-ajru u anke l-baħar. Intqal li l-aċċess mill-art u mill-baħar se jkun ikkontrollat u għad iridu jsiru studji. Qal li qed jistaqsi għax m’għandux risposti ċari għall-mistoqsijiet li qed jagħmel dwar kif din iż-żona se tibqa’ ignition free zone. Staqsa wkoll kemm tiswa r-regasification unit, iżda ngħata risposta li din hi kwistjoni kummerċjali.

Aġġornament 5 | 4.45pm: Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino qal li mhux ġust li l-pubbliku jinghata biss tliet minuti wara li n-nies ilhom ħin twil jisimgħu.

Is-Sindku ta’ Marsaxlokk Edric Micallef qal li l-Ħamis li għadda, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ħa pożizzjoni uffiċjali biex ikun hemm titjib tal-arja billi l-Power Station tal-BWSC tinqaleb għall-gass u għalhekk irid ikun hawn supply ta’ gass. Hu qal li l-Kunsill jemmen li s-soluzzjoni aħħarija hi li jkun hemm pipeline ma’ pajjiż ieħor. Il-proposta elettorali kienet li l-ħażna ssir f’żewġ tankijiet kbar fuq l-art, iżda l-Kunsill jippreferi li meta jkun hemm pipeline ta’ gass ikun aktar faċli li jitneħħa t-tanker milli li jiżżarmaw it-tankijiet. Hu qal li l-OHSA u l-MEPA aċċertaw li m’hemmx periklu għar-residenti u allura l-Kunsill jaqbel li jsir il-proġett propost, filwaqt li jinsisti fuq il-pipeline.

Anne Fench, li hi rappreżentant ta’ Ray Bugeja u martu, qalet li hi sorpriza f’isem il-klijenti li l-membri tal-Bord ma kienux ingħataw kopja tal-Ittra Uffiċjali. Qalet li Ray Bugeja u martu ma jħossux li għandhom xi dritt iwaqqfu lil MEPA, filwaqt li huma konxji li l-MEPA tieħu d-deċiżjoni. Madankollu, isostnu li l-Istudju dwar l-Impatt Marittimu għandu jsir qabel u mhux wara li tittieħed id-deċiżjoni li jsir l-FSU f’nofs il-Port ta’ Marsaxlokk.Saħqet li għandu jsir studju dwar l-Impatt Marittimu minħabba li l-Bajja ta’ Marsaxlokk hi esposta għall-maltemp. Staqsiet x’inhu r-riskju ta’ kollużjoni u x’effett ikollha fuq il-ħidma fil-Port. Qalet li l-MEPA għandu jkollha kull informazzjoni qabel tieħu deċiżjoni. Anne Fenech qalet li r-rapport ta’ Papadakis għandu żewġ punti kruċjali għax jassumi li ż-żona madwar l-FSU hi ignition free. Iżda staqsiet x’jiġri jekk ikun hemm ignition source f’każ ta’ kollużjoni. Hi qalet li Papadakis għandu jagħti rapport dwar x’jiġri jekk ikun hemm sors li jikkawża nar.

L-Inġinier Arthur Ciantar qal li mir-rapport ta’ Vaccari hemm punti li m’hemmx risposta għalihom, fosthom jekk ikun hemm sħaba ta’ gass li tilħaq il-Power Station jista’ jkun hemm konsegwenzi diżastrużi. Hu spjega li f’każ ta’ nċident jista’ jkun hemm mewt minbarra nies bi ħruq ta’ diversi gradi. Qal li mhux aċċettabbli li jkun hemm riskju fuq l-unika Power Station, filwaqt li fakkar li Vaccari jgħid li għandhom isiru studju marittimi mingħajr ma hemm risposta għal effett ta’ mewġ qawwi fuq il-vapur. Qal li ma jistax jifhem kif wieħed jista’ jibbaża l-konkluzjoni tiegħu fuq rapporti li għadhom ma sarux. Vaccari qal li f’każ ta’ kollużjoni, jista’ jkun hemm sħaba ta’ gass li kapaċi tgħatti l-villaġġ kollu ta’ Marsaxlokk u jistaqsi xi jkunu l-konsegwenzi fuq ir-residenti jekk ikun hemm ignition point. Qal li r-riskju ta’ mpatt hu ta’ wieħed minn kull għaxra u qal li b’kollox ikun hemm madwar 6,000 moviment ta’ vapuri fil-Port ta’ Marsaxlokk u mhux 2,600 bħalma intqal mill-MEPA. Qal li Papadakis ma kkunsidrax li l-FSU jitpoġġa barra l-Port għax ma ntalabx. Qal li dan jista’ jissuġġetta l-membri tal-MEPA għal personal liabilities.

Carmel Cocopardo qal li d-diffikultà hi fuq il-ħażna tal-gass u qal li kien hemm l-obbligu li l-EIA jikkunsidra l-impatt marittimu u għalhekk mhux komplut. Hu qal li tajjeb li Transport Malta tieħu pożizzjoni wara li jsir l-istudju dwar l-impatt marittimu. Qal li hemm riskji differenti jekk l-FSU jitpoġġa barra, iżda jekk isir fil-Port ir-riskju hu fuq in-nies u fuq il-Power Station, filwaqt li jekk isir barra, ir-riskju jkun fuq it-tanker tal-ħażna tal-gass. Qal li fir-rapport ta’ Vaccari, l-issue tas-sħaba tal-gass qegħda hemm.

Il-Kaptan David Bugeja, Chief Officer tal-Port, qal li jrid isir rapport dwar l-impatt marittimu.

George Papadakis qal li skont id-Direttiva ta’ SEVESO, hu kien mitlub jagħmel risk accessment fid-dawl ta’ din id-Direttiva. Qal li ħa inkonsiderazzjoni ta’ xi konsegwenzi u li l-analiżi tista’ ssir fit-tieni stadju. Qal li m’hemmx reġistrati tixrid ta’ gass minħabba kollużjoni.

George Pullicino fakkar x’alternattivi għandu l-pajjiż minbarra li jagħmel ħażna ta’ gass fil-Port. Waħda hi li ssir ħażna ta’ gass barra l-Port u jkun ippajpjat bħala gass lejn il-Power Station. Qal li jezistu 11-il FRSU, filwaqt li 40 oħra qed jinbnew bħalissa u mhux bħalma qal l-Inġinier Galea, li jeżisti biss wieħed f’Livorno. Qal li dan hu żball kardinali. Staqsa jekk l-FSU hux magħmul b’mod li kapaċi joħroġ lilu nnifsu. Fakkar li 91% tan-nies qalu li jippreferu li l-ħażna tal-gass issir barra l-Port u din ix-xewqa kienet injorata.

Pullicino qal ukoll li f’maltempata jista’ jkun hemm sajjetta u jekk din itteħditx inkonsiderazzjoni. Staqsa jekk ittiħditx inkonsiderazzjoni wkoll li jkun hemm nar fil-magni tal-vapur li jissuplixxi l-gass. Dwar l-aspett finanzjarju, qal li l-kuntrattur għandu kuntratt għal 18-il sena u se jissuplixxi l-gass bi prezz fiss għal 8 snin. Fakkar li minn ħażna ta’ 60,000 metru kubu gass, spiċċajna b’ħażna ta’ 140,000 metru kubu ta’ gass. Fakkar li bl-interconnector, pajjiżna jista’ jixtri l-enerġija bi prezz orħos. L-intervent ta’ Pullicinio sar fost interruzzjonijiet minn parti mill-udjenza.

Il-Perit Paul Gauci qal li r-rata ta’ 91% tar-residenti mhix eżatta għalkemm xorta hi sostanzjali. Qal li kieku kien jgħix f’Marsaxlokk hu kien jinkwieta b’dan il-proġett.

L-Inġinier Hans Pasman, li kien ikkummissjonat minn Din l-Art Ħelwa biex janalizza r-rapporti li saru minn Vaccari u Papadakis, qal li saru diversi testijiet fl-Istati Uniti dwar l-effetti tal-LNG. Hu qal li hemm ħafna inċertezzi u li ma tistax tkun eskluża splużjoni ta’ sħaba ta’ gass. Qal li hemm alternattiva li jsir FSRU f’distanza sigura.

Il-Viċi Sindku ta’ Marsaxlokk Carmelo Bugeja qal li l-proverbju jgħid li kieku u kien qatt ma ltaqgħu flimkien. Qal li għall-ewwel, is-sajjieda ma ħadux pjacir li l-FSU isir fil-Port, iżda qal li jekk isir barra, is-sajjieda ż-żgħar tal-parit u tal-lampa kien se jiġrilhom diżastru. Qal li Ray Bugeja joqgħod Marsaxlokk u għandu x-xogħol tiegħu f’Marsaxlokk, filwaqt li kkonferma li fil-passat kien hemm maltempata kbira li qalgħet l-iskolji.

Antoine Vella, li jirrappreżenta lill-familja tiegħu, qal li tajjeb li wieħed jistaqsi biex ikun infurmat. Staqsa kemm idum vapur biex jieqaf waqt li jkun dieħel fil-Port u jekk l-Enemalta tistax tiggarantixxi li l-Freeport jibqa’ jaħdem waqt li jkun qed isir il-ħatt tal-gass fl-FSU.

Il-President tal-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Joe Demicoli qal li ħadu pożizzjoni li l-FSU aħjar isir ġewwa milli barra għax barra joħloq konsegwenzi fuq is-sajjieda għax iż-żona ta’ konservazzjoni ttellifhom biċċa miż-żona tas-sajd. Staqsa jekk hemmx studju jekk iċ-ċaqliq tal-baħar hux se jiżdied u qal li s-sajjieda jridu li jsir breakwater fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Louis Tanti, mill-Għaqda tan-Nar taż-Żejtun, li għandha l-kamra tan-nar f’Tas-Silġ, staqsa jekk huma jistgħux ikomplu għaddejjin bil-ħidma tagħhom fil-post wara li jsir l-FSU fil-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Is-Sindku taż-Żejtun Joe Attard qal li għandu jkun hemm attenzjoni rigoruża u li ma jkunx hemm ebda ċans ta’ riskji.

Il-Perit Toni Bezzina qal li d-distanza bejn l-FSU u l-vapuri tal-Freeport se tkun 400 metru u kif din tista’ tinbidel jekk tkun applikata żona ta’ sigurtà. Staqsa jekk hemmx possibbiltà li minħabba l-FSU ma joħroġx il-permess għall-ħruq tan-nar.

Therese Comodini Cachia, kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qalet li ħadd ma semma s-Social Impact Assessment dwar kif il-proġett se jolqot lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum. Qalet li la l-Bord ma ngħatax dettalji dwar il-limitazzjonijiet fil-Bajja, ma jistax ikun jaf l-impatt fuq ir-residenti.

Leonard Incorvaja qal li hu għandu l-propjetà tiegħu ftit bogħod mill-Power Station. Qal li fl-1969 ir-raba’ fiż-żona fejn illum hemm il-Power Station kien qabad minħabba flixkun li rrifletta bix-xemx. Fl-1983 u fl-1989, ir-raba’ tiegħu qabdet ukoll minħabba x-xemx. Qal li se jdaħħal lill-Bord responsabbli jekk issir xi ħsara fir-raba’ tiegħu, filwaqt li fakkar ukoll li fil-Bajja ta’ Birżebbuġa kien qabad bastiment.

Raymond Caruna, Kunsillier fiż-Żejtun, qal li 91% fil-mija tar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birzebbuga nkwetati li se jkun hemm tanker fil-Bajja ta’ Marsaxlokk. Qal li l-mard respirotarju għadu hemm għax il-MEPA estendiet l-użu tal-HFO għall-Power Station. Staqsa jekk bħalma l-Gvern għalaq il-Park tal-Familja minħabba ħruġ ta’ gass, hux se tingħalaq il-Bajja kollha jekk ikun hemm ħruġ ta’ gass.

Aġġornament 4 | 1.45pm: Iċ-Chairman tal-Bord Vince Cassar staqsa lill-Membru Parlamentari Ryan Callus jekk iridx li tinqara r-risposta għall-Protest Ġudizzjarju. Filwaqt li l-ewwel, is-Segretarju tal-Bord qara l-Protest Ġuduzzjarju mressaq minn Ray Bugeja u martu, wara qara wkoll ir-risposta tal-MEPA.

Fiha, iċ-Chairman tal-MEPA qal li l-MEPA kienet sorpriża li tressaq dan il-Protest Ġudizzjarju minħabba li donnu jrid jimponi fuq dan il-proġett. Intqal ukoll li naqsu jirreġistraw b’mod uffiċjali bħala objectors għall-proġett għax persuna trid tirreġistra ruħha bħala objector. Madankollu, l-ebda persuna ma rreġistrat. Il-MEPA qalet li l-allegazzjoni li ma sarx studju dwar l-ambjent marittimu hi nfondata għax saru studji minn esperti. Intqal li l-għan finali tal-koppja Bugeja kien li twaqqaf lill-MEPA milli tiddeċiedi dwar dan l-iżvilupp.

Il-MEPA qalet ukoll li Papadakis qed iqis li ż-żona hi ignition free bid-Direttorat tal-MEPA jgħid ukoll li jkun hemm żona ta’ ignition free. Il-MEPA qalet li għall-operat ikun meħtieġ IPPC. Il-MEPA qalet li l-allegazzjonijiet tal-koppja Bugeja huma nfondati u l-Awtorità ma tistax tkun prekluża li tieħu deċiżjoni. Iċ-Chairman tal-MEPA qara wkoll ittri li ntbagħtu minn Uffiċjali oħra tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, fosthom il-President Marco Carabott, li fiha huma ddisassoċċjaw ruħhom minn dak li qal Bugeja dwar il-proġett.

L-avukat Robert Abela qal li Ray Bugeja qed jipproġetta ruħu bħala residenti f’Marsaxlokk, għalkemm mir-Reġistru Elettorali jirriżulta li hu reġistrat fuq l-Għarb Għawdex.

Sadanittant, f’isem l-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), li kienu l-objector, fil-laqgħa pubblika ma tkellem ħadd għax ma kienux preżenti.

Aġġornament 3 | 1.30pm: L-espert tal-Gvern, imqabbad mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) George Papadakis esprima l-importanza li jkun hemm rapport dwar is-sigurtà qabel jibda jitwettaq il-proġett. Dan għandu jinkludi wkoll l-istudju dwar l-impatt marittimu. Papadakis ikkonferma li jista’ jkun hemm bżonn li t-tanker tal-gass jimtela sa 12-il darba fis-sena u għaldaqstant f’dawn id-drabi se jkun hawn tanker ieħor li jkun qed iforni l-gass. Hu qal li f’każ ikun hemm xi leakage u jkun hemm xi nar, jista’ jikkawża splużjoni. Filwaqt li qal li r-riskju hu ta’ fatalità waħda kull 100,000 sena, jekk l-awtoritajiet iridu jkunu aktar konservattivi jistgħu jagħmlu l-ħażna tal-gass aktar ‘il barra.

David Galea, f’isem il-Malta Power and Gas, qal li dan hu proġett nazzjonali li se jwassal biex tissaħħaħ is-sigurtà tas-supply tal-enerġija u biex pajjiżna jkollu għażla akbar, filwaqt li titnaqqas l-ispiża. Hu qal li fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta hemm inċidenza akbar ta’ ażma. Qal li l-għażla li jkun hemm offshore storage jista’ jkun hemm problema ta’ security of supply jekk il-ħażna tal-gass issir barra l-Port ta’ Marsaxlokk u din it-teknoloġija hi wżata biss f’Livorno.

Il-Perit Peter Zammit, li hu l-Perit tal-Korporazzjoni Enemalta bħala l-applikant , qal li l-Port ta’ Marsaxlokk hu fond 17-il metru. Hu spjega l-ispazju li jibqa’ bejn il-Floating Storage Unit (FSU) u vapuri ta’ qisien differenti li jidħlu fil-Port ta’ Marsaxlokk u fil-Freeport meta jidħol vapur kbir fil-Freeport. Skont hu, ikun hemm spazju biżżejjed biex jimmanuvraw fil-Port. Ikkonferma li l-vapur tal-gass hu twil 285 metru, 44 metru wiesgħa u għoli 30 metru.

Il-Perit Paul Gauci tkellem ukoll dwar l-Environmental Impact Assessment tal-proġett. Hu qal li kulħadd jaċċetta li l-gass naturali hu l-aktar superjuri għal fuels oħra u qal li jrid ikun maħżun f’temperaturi baxxi ħafna. Qal li l-impjant ta’ rigassifikazzjoni jrid isir kemm jista’ jkun bogħod minn fejn ikun hemm sors ta’ ignition u li l-FSRU fejn ikun hemm ħażna ta’ gass u mpjant ta’ rigassifikazzjoni fuq bastiment wieħed kienet ukoll ikkunsidrata. Hu qal li t-tieni studju li sar kien dwar l-impatt tal-gass fuq il-kwalità tal-arja. Qal li matul l-2012 daħlu u ħargu 2,800 vapur fil-Port ta’ Marsaxlokk.

David Galea, li hu Project Manager f’isem l-Enemalta, qal li dan l-investiment hu meħtieġ għax se jkun hemm tnaqqis fl-emmissjonijiet u hemm bżonn li l-Enemalta tirriforma ruħha mingħajr ma hemm il-lussu li noqgħodu nistennew. Hu qal li l-fatt li “Delimara 3” tinqaleb għall-gass hu tajjeb għax ikun hemm kapaċità akbar, b’kull studju wera li hemm bżonn investiment għal 217 MW ieħor. Hu qal li dan hu sors ta’ gass nadif u se jintuża’ minn impjant effiċjenti.

Il-Perit Michel Piccinino, f’isem id-Direttorat tal-MEPA, qalet li daħlu żewġ rappreżentazzjonijiet: waħda mill-FAA, li talbet li jsir rapport dwar il-preżenza ta’ fdalijiet storiċi u waħda mil-Light Pollution Awareness. Piccinino qalet li saru konsultazzjonijiet ma entitajiet ‘il barra mill-MEPA u, fost it-talbiet, kien hemm li għandu jsir studju dwar l-impatt marittimu.

Kelliema oħra f’isem id-Direttorat qalet li tqajjmu numru ta’ issues li jinsabu fl-EIA. Hi qalet li l-alternattivi studjati kienu dwar is-sit, bl-EIA qal għaliex intagħżlet l-għażla finali. Qalet li jekk ikun hemm proposti li l-FSU jitpoġġa barra l-Port ta’ Marsaxlokk, dawn ikunu studjati. Hi qalet li l-impatt fuq il-viżwali tal-Port ta’ Marsaxlokk diffiċli biex jitnaqqas. Hi qalet li d-Direttorat jaqbel li jsir risk assessment martiimu li jiddetemina r-risk zones ħalli jitnaqqas il-periklu u jkunu kkunsidrati miżuri ta’ kontinġenza f’każ ta’ periklu.

Aġġornament 2 | 12pm: Fil-bidu tal-laqgħa, iċ-Chairman tal-MEPA Vincent Cassar qara ittra li rċieva mingħand il-Prim Ministru Joseph Muscat, li fiha Muscat qal li jekk il-Bord tal-MEPA japprova l-proġett, minkejja li jista’ jitressaq appell kontra l-proġett, ix-xogħol tal-bini xorta waħda se jibda. Iċ-Chairman qal li l-Prim Ministru għandu dritt li jmexxi xorta bil-proġett, anke jekk jitressaq appell.

Dan wassal biex il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha qal li jqis l-ittra tal-Prim Ministru bħala waħda ntiża biex tkompli tikkundizzjona lill-membri tal-Bord tal-MEPA li qed jintalbu mill-Gvern Laburista jieħdu deċiżjoni dwar il-proġett tal-Power Station ġdida. Il-PN qal li mill-ewwel ġurnata tiegħu bħala Prim Ministru, Muscat webbes rasu u għamel minn kollox biex jinjora u jiskredita t-tħassib ġenwin tar-residenti, tas-sajjieda, ta’ kull min jaqla’ l-għajxien tiegħu miż-żona ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, l-għaqdiet ambjentali u l-Oppożizzjoni. Il-Prim Ministru saħansitra appunta membru fil-Bord tal-MEPA li għandu nteress dirett fil-proġett.

Ftit wara, wieġeb il-Gvern li, fi stqarrija tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, iddefenda d-deċiżjoni ta’ Muscat li jkompli għaddej bil-proġett anke jekk ikun hemm appell. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li ladarba l-proġett tal-Power Station il-ġdida hu ta’ mportanza strateġika, il-Liġi tippermetti li x-xogħolijiet ma jitwaqqfux, anke jekk ikun hemm talba għal sospensjoni minn xi parti nteressata fl-istadju tal-appell quddiem it-Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Qabel inqrat l-ittra tal-Prim Ministru, ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni Ryan Callus talab biex tinqara l-Ittra Uffiċjali Ġudizzjarja li ressaq is-Segretarju Ġenerali tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd Ray Bugeja. Iżda f’dan il-każ, iċ-Chairman tal-MEPA ddeċieda differenti u qal li din l-ittra m’għandiex tinqara waqt il-laqgħa tal-Bord tal-MEPA. Kien hawn li qabżet Veronique Dalli, membru fl-istess Bord, li qalet li din l-ittra għandha tinżamm fil-Qorti u mhux waqt il-Bord tal-MEPA.

Sadanittant, ġie kkonfermat ukoll kif minkejja li l-Bord tal-MEPA se jieħu d-deċiżjoni tiegħu llum, għadu ma sarx Studju dwar l-Impatt Marittimu, li hu kruċjali biex il-Bord ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Dan ġie kkonfermat mill-Kordinatur tal-Environmental Impact Assessment Paul Gauci.

Kif wieħed jistenna, għal-laqgħa qed tattendi folla numeruża, li tinkludi fost l-oħrajn Deputati tal-Oppożizzjoni, Kunsillieri Lokali u kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista. Qed jattendu wkoll rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali, kif ukoll residenti u sajjieda li se jkunu affettwati bid-deċiżjoni li se tittieħed aktar tard.

Aġġornament 1 | 10am: Il-Bord tal-MEPA beda jiddiskuti l-applikazzjoni dwar il-Power Station ta’ Delimara, li tinkludi mpjant ta’ rigassifikazzjoni li jsir fuq l-art u l-ħażna ta’ gass LNG abbord tanker antik li se jitpoġġa fil-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Il-laqgħa qed issir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt u għaliha qed jattendi pubbliku numeruż.

Il-Bord tal-MEPA mistenni jiddeċiedi dwar żewġ applikazzjonijiet, waħda li titratta l-impjant ta’ rigassaifikazzjoni u l-ħażna tal-gass u l-oħra titratta l-bini ta’ moll u faċilitajiet anċillari.

Aktar kmieni …

Il-futur tal-Port ta’ Marsaxlokk se jkun deċiż dalgħodu, f’laqgħa tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), li fiha l-membri tal-Bord tal-MEPA se jkollhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu jekk it-tanker ta’ 300 metru b’ħażna ta’ 140,000 metru kubu ta’ gass LNG jiġix ankrat f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk. Dan għall-kuntrarju ta’ dak li jridu r-residenti u kontra l-pariri kollha tal-esperti.

Din id-deċiżjoni għandha mportanza kbira għax se tkun qed tolqot bil-kbir diversi aspetti tal-komunità ta’ Marsaxlokk u ta’ Birzebbuga, kif ukoll żoni oħrajn tal-madwar.

Aktar dettalji hekk kif jaslulna …