Il-Gvern ħabbar l-Istrateġija Diġitali ta’ Malta għall-perjodu 2014-2020, li għandha tolqot u tinvolvi lil kulħadd. Fit-tnedija tal-Inizjattiva, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fost oħrajn, din għandha tindirizza lil dawk in-nies fis-soċjetà li m’għandhomx għarfien dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni.
Il-PM sostna li aspett ieħor hu li s-settur pubbliku jkun imħejji għat-teknoloġiji l-ġodda. Muscat qal li għandhom jissaħħu l-mezzi lokali online għax ma jistax ikun li wieħed jinqeda meta jixtri minn barra iżda mbagħad ma jinqediex minn servizz mogħti fuq l-internet lokalment. Stqarr li l-istrateġija hi waħda wiesgħa u li trid tinkludi l-ħsibijiet ta’ diversi setturi fis-soċjetà, speċjalment taċ-ċittadin.
Hu rrefera għall-Karti tal-Identità l-ġodda, li jridu jservu bħala identita’ elettronika. Muscat qal li dawn għandhom ikunu utli għan-nies biex jużaw is-servizzi tal-Gvern fuq l-internet, kif ukoll ikunu ta’ servizz lis-settur privat. Joseph Muscat żied li l-Istrateġija trid twassal biex Malta tkun art ta’ innovazzjoni u biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Hu kompla li l-Istrateġija hi wkoll intiża biex tisfrutta fondi Ewropej.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis qal li l-Istrateġija tinċentiva, fost oħrajn, il-ħsieb imprenditorjali. Qal li l-Gvern qed jaħdem biex persuni li qabżu l-50 sena jkunu familjari ma’ applikazzjonijiet diġitali u ma’ networks soċjali. Appella lin-negozjanti ż-żgħar biex ma jibżgħux minn mezzi teknoloġiċi moderni u ma jikkunsidrawhomx bħala xkiel għax dawn il-mezzi jgħinuhom biex ikunu kompetittivi f’Malta u f’pajjiżi barranin.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) Edward Woods qal li l-miri tal-Istrateġija huma ambizzjużi iżda jridu jintlaħqu b’kordinazzjoni. Qal li l-kejl tas-suċċess tal-Istrateġija, jew in-nuqqas tagħha, hu bbażat fuq ir-riżultati miksuba. Id-Direttur tal-Aġenzija Maltija dwar it-Teknologija tal-Informazzjoni (MITA) Tony Sultana fisser li l-Istrateġija hi bbażata fuq iċ-ċittadin, in-negozju u l-Gvern. Hu qal li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija mhix faċli, anzi ferm ambizzjuża, u saħaq li bl-appoġġ ta’ kulħadd għandhom jinkisbu r-riżultati.
//= $special ?>
