Immigrant jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Marsa. Sorsi li raw l-inċident iseħħ u li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li għall-ħabta tas-2.30pm jidher li l-immigrant kien qed jipprova jaqsam fi Triq Aldo Moro, eżattament quddiem il-pompa tal-petrol ta’ Carlo Cini, meta ttajjar minn vettura tat-tip Fiat Fiorino misjuqa minn żagħżugħ ta’ 32 sena minn San Pawl il-Baħar.
Mal-impatt, ir-raġel ittajjar għal distanza ta’ madwar 24 metru u għal għoli ta’ madwar sular u nofs qabel spiċċa fil-karreġġjata ta’ barra fi Triq Diċembru 13. Fil-post waslu Ambulanza u tim ta’ paramediċi, li ta l-ewwel għajnuna lill-immigrant qabel ma twassal għal iżjed kura fl-Isptar Mater Dei. L-ewwel riżultati mediċi wrew li l-immigrant sofra feriti gravi u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.
Kawza tal-inċident, it-traffiku f’din l-arterja prinċipali kien iggammjat għal ħin twil sakemm sar l-istħarriġ fil-post. Dwar l-inċident infetħet Inkjesta Magisterjali bl-għajnuna tal-esperti tat-traffiku. L-investigazzjonijiet qed jitmexxew minn Pulizija mill-Għassa tal-Marsa.
//= $special ?>

