Illum, l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA, se tiddeċiedi dwar it-tanker tal-gass li l-gvern tal-Prim Ministru Muscat irid jankra f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk flok jisma’ minn dak li qed jgħidulu r-residenti stess u jagħżel is-soluzzjoni ferm aktar sensibbli li l-ħażna tal-gass issir ‘il barra fil-baħar, kif tgħidlek ir-raġuni.
Sogru għat-tanker u sogru għall-power station stess
Għax tanker tal-gass ħdejn power station hu sogru akbar għat-tnejn. Jekk joħroġ il-gass mit-tanker, se jkun ġewwa port fejn xi għajn ta’ nar ikun hemm żgur. U jekk itir it-tanker – anke jekk ta’ dan ikun hemm biss ċans żgħir – mhux biss ikun inċident kbir ħafna fih innifsu imma jtajjar il-power station stess għax ikun ħdejha.
Studji li saru nofs leħja u li l-gvern ħbiehom
Il-MEPA messha tiddeċiedi wara studji serji u bir-reqqa u mhux nofs leħja kif esperti barranin qed jgħidu dwar dawk li saru; u ppubblikati sħaħ mhux moħbijin kif għamel il-gvern s’issa f’dan il-proġett tal-ħabi. Għax dan hu proġett maħsub fil-ħabi mill-elettorat qabel l-elezzjoni meta Joseph Muscat ma kien semma xejn fuq l-ebda tanker.
L-ebda studju dwar l-effett marittimu u dwar l-alternattivi li jeżistu
Il-MEPA llum se tkun qed tiddiskuti fid-dlam ukoll għax ma sarx studju dwar l-effett tat-tanker fuq il-port stess. U lanqas ma ġie studjat x’għamel ħaddieħor imqar qribna fl-Italja fejn it-tanker poġġewh ‘il barra fil-baħar, jew fuq l-alternattiva li diġà kien ħaseb fiha l-Partit Nazzjonalista bi flus mill-Ewropa ta’ pipeline tal-gass minn Sqallija.
Muscat se jorbotna bi prezz ogħla minn dak tal-interconnector cable
Dan hu proġett li l-ħabi fih hu kbir meta l-gvern ta’ Muscat se jorbot lilna lkoll – kull min iħallas it-taxxi u l-kontijiet – għal snin twal bi prezz għall-elettriku li se jkun ogħla minn dak orħos li se nkunu nistgħu ngawdu bl-interconnector cable li ħaseb għalih ukoll il-gvern Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista qed jagħti leħen lin-nies tan-nofsinhar tal-pajjiż
Illum hu l-Partit Nazzjonalista li qed jagħti leħen lin-nies tan-nofsinhar ta’ Malta fuq dan it-tanker. Għax qed jieħu n-naħa tal-91 fil-mija tan-nies tal-inħawi u tal-esperti ambjentali indipendenti. Min-naħa l-oħra, Joseph Muscat, il-gvern tiegħu, il-kunsilli lokali tiegħu u l-Partit Laburista – ħlief għad-Deputata waħda Marlene Farrugia – se jkunu qed jieħdu n-naħa tal-interessi moħbijin li Muscat qeda qabel l-elezzjoni.
Ir-residenti lil Muscat: ‘użajtna u ttradejtna’
Kif qalu r-residenti li kitbu lill-Prim Ministru Muscat – użahom, u ttradihom. U biex veru juri dan, lanqas il-Kumitat tan-Nofsinhar li – bħal ħafna ħatriet li għamel Muscat, qiegħed hemm biss għad-dehra – ma ltaqa’ fuq din il-kwistjoni, u Muscat lanqas ma ried lill-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent jiltaqa’ ħa jisma’ lill-esperti.
Favur in-nies jew favur l-interessi moħbijin moqdijin qabel l-elezzjoni
Il-MEPA llum tagħmel għażla. Is-sens u r-raġuni jgħidu li għandha tiddeċiedi favur in-nies u kontra s-sogru. Il-ħatriet politiċi li Muscat mela bihom anke lill-MEPA, naturalment, se jiġbdu favur il-kompromessi moħbijin ta’ qabel l-elezzjoni.