Lokali

Vandaliżmu fil-Park tal-Inspire

Matul il-lejl li għadda, persuna jew persuni mhux magħrufa wettqu atti ta’ vandaliżmu fil-Park tal-Inspire f’Wied il-Għajn. Dan il-Park jintuża’ biex tfal b’diżabbiltà jingħataw it-terapija, kif ukoll biex jigu organizzati attivitajiet li jwasslu biex jinġabru flus għall-istess kawża.

Jirriżulta li l-persuna jew persuni li wettqu dan l-att kellhom jisgassaw xi bibien biex jidħlu fil-Park, iżda fortunatament, l-annimali tal-Park ma weġġgħux.

Fil-Paġna ta’ Facebook, il-Fondazzjoni Inspire tellgħet ir-ritratti tal-ħerba li nstabet, filwaqt li appellat għall-ghajnuna finanzjarja biex mill-aktar fis possibli jiġu rranġati l-ħsarat li saru fuq il-Park, biex jerġa’ jibda jitgawda minn tfal li għandhom bżonn.

Minbarra għall-flus, il-Fondazzjoni appellat ukoll għall-ħin ta’ volontarjat.