Qorti

Żwieġ tkisser fuq adulterju u vendikazzjonijiet tar-raġel kontra l-omm u t-tfal

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Joseph Azzopardi, ordnat is-separazzjoni bejn koppja minħabba l-atteġġjament tar-raġel li mhux biss ikkommetta adulterju, iżda wkoll jaġixxi b’mod kattiv fil-konfront ta’ martu u uliedu. Eżempju klassiku hu li meta jaf li l-mara u t-tifla jbatu bl-ażma, juża’ apposta fwejjaħ u spirti. Għalhekk, fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li mhux biss qed tippronunzja s-separazzjoni bejn il-koppja tort tar-raġel, iżda li l-kustodja tat-tfal tkun fdata f’idejn l-omm.

Fil-Qorti, il-mara xehdet li minkejja li żewġha kien jaf li hi u bintha għandhom ażma qawwija, hu u missieru kienu jdaħħlu l-pjanti tal-freżja ġewwa, jitfgħu ħafna aftershave u fwieħa, iferrxu d-Dettol għax jafu li bih jintefħilha lsienha u anke tefgħu white spirit fuq is-sodda tagħha. Il-mara xehdet kif l-inkwiet bejnha u bejn żewġha beda hekk kif saret taf li kellu relazzjoni barra ż-żwieġ. Qalet li minkejja li darba ħafritlu, meta saret taf it-tieni darba bdiet il-proċess tas-separazzjoni. Qalet ukoll li hekk kif bdew dan il-proċess, l-affarijiet id-dar bdew sejrin mill-ħażin għall-agħar.

Il-mara qalet li żewġha l-ewwel żvujtlaha kaxxa li kellhom mimlija ċwievet ta’ kullimkien. Biċ-ċwievet li kienu fiha, hu għalaq u sakkar il-bibien u t-twieqi li jagħtu għal barra u kien iżomm iċ-ċwievet dejjem fuqu u fuq missieru, li ġieli kien jorqod għandhom. Il-mara xehdet ukoll li kull lejl kienet torqod imbeżża’ li żewġha jista’ jaqbad u jidħol fil-kamra tagħha għax ma tistax issakkarha. Qalet ukoll li għalkemm hi għandha kundizzjoni fil-ġilda u fis-sistema immunitarja, li minħabba f’hekk fil-kesħa jew kif tmiss l-ilma jdejha jiswiedu u jkollha spażmu fihom, żewġha kien jagħmel numru ta’ vendikazzjonijiet magħha, fosthom li jxarrbilha l-ħwejjeġ li tkun għadha kemm naxret. Dwar dan, qalet li kien jakkużaha li kienet qed tħalli l-ħwejjeġ joqtru biex l-ilma jagħmel ħsara fis-soqfa.

Tenniet ukoll li hekk kif, minħabba l-kundizzjoni tagħha, tbati minn qtugħ ta’ nifs, mhux l-ewwel darba li kif kien jaraha tipprepara biex titla’ fil-washroom biex taħsel il-ħwejjeġ, kien jitla’ nkiss inkiss qabilha u jaħsel tiegħu biex b’hekk kienet tispiċċa titla’ t-taraġ sa fuq il-bejt għalxejn.

Il-mara kompliet tgħid fil-Qorti li żewġha ma kienx iħallihom jixegħlu l-geyser tal-kamra tal-banju għax kien jgħidilhom li qed jinħela ħafna dawl. Għalhekk, qalet il-mara, hi u t-tfal kien ikollhom jinħaslu b’kitla misħun matul il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa jixegħlu l-geyser ta’ isfel għax kien żgħir. Kompliet tgħid li xi minn daqqiet, żewġha kien jitfih ukoll u kienu jinħaslu xorta bil-kiesaħ.

Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, ir-raġel qal li mhux minnu li kellu relazzjoni barra ż-żwieġ u li kien qal hekk lill-mara biex iġegħilha tgħir għalih. Qal ukoll li l-problemi bejniethom kienu ilhom li bdew minn meta kellhom it-tieni wild u martu ma riditx ikollha x’taqsam sesswalment miegħu. Skont ir-raġel, ir-relazzjoni bejnu u t-tfal bdiet tmur għall-agħar għax wara li fuq ordni tal-Qorti kellu jiżgombra d-dar, l-atteġġjament ta’ wliedu lejh beda sejjer mill-ħażin għall-agħar. Qal li kellu aċċess jara lit-tfal kull nhar ta’ Sibt.

“Sibt minnhom konna fi Triq ir-Repubblika, il-Belt, u t-tifel ta’ 13-il sena beda jkeċċi l-ħamiem billi jsabbat saqajh mal-art u jferfer idejh. Jien għedtlu ‘le mhux hekk imsieken il-ħamiem’ u hu weġibni b’rabja kbira ‘li kieku kont int minflok il-ħamiem, kont naqbad u nagħtik sakemm noqtlok u mbagħad nagħmel party kbir fuq iz-zuntier tal-Knisja.'” Il-missier qal li atteġjament bħal dan minn ibnu weġġgħu u skonvolġih. Qal ukoll li waqt laqgħa li kellhom ma’ psikologa, irrakkonta dak li ġara u quddiemha t-tifel qal li hu lest imur il-ħabs, l-aqwa li jara lilu mejjet. Qal li hu u martu dejjem rabbew lil uliedhom tajjeb meta kienu flimkien.

Ir-raġel żied jgħid li l-problemi fit-trobbija tagħhom bdew jidhru minn meta bdiet tieħu ħsiebhom l-omm waħedha. Tenna li l-attitudni tagħha u ta’ ommha u misserha qed tidher ċar fit-tfal, jiġifieri dik ta’ vjolenza, rabja u mibegħda biex “dak li ma rnexxilhiex tagħmel ommhom jagħmluh huma, jiġifieri li jtemmuli ħajti b’mod ħesrem”. Qal li problema oħra li kellhom fiż-żwieġ hu u martu kienet il-ġenituri tal-mara għax skont hu dawn kienu jindaħlu f’kollox u kienu possessivi.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li ż-żwieġ tkisser prinċipalment minħabba l-atteġġjament tar-raġel. Il-Qorti qalet li hi konvinta li l-allegazzjonijiet tal-mara dwar adulterju huma veritieri. L-Imħallef saħaq li barra minnhekk, ir-raġel għandu attitudni vendikattiva li għamlitha diffiċli għal martu li tibqa’ tgħix miegħu. Sfortunatament, qalet il-Qorti, għandu jingħad ukoll li l-koppja għandhom il-problemi t-tnejn li huma minħabba mard serju ħafna li wkoll għamel il-ħajja miżżewġa tagħhom aktar diffiċli.