Lokali

Birdlife tirrapporta numru ta’ każi ta’ kaċċa llegali

Fl-aħħar tlett ijiem saret kaċċa llegali fuq diversi speċi ta’ għasafar protetti, fosthom tliet ċikonji bojod, bagħdan aħmar u spanjulett. Dan hu sintomu ta’ disprezz totali minn ċertu kaċċaturi fil-konfront tal-Liġi, il-livell ta’ nfurzar u l-pieni marbuta ma’ dawn ir-reati. Sostniet dan fi stqarrija l-għaqda Birdlife Malta, li qalet li l-aħħar inċident tal-Ħadd li għadda fuq il-White Storks juri li l-Pulizija m’għandhiex ir-riżorsi biex tinforza l-kaċċa llegali madwar il-pajjiż.

Filwaqt li laqgħet l-istqarrija tal-Gvern li se jħarrax il-pieni għall-ksur ta’ Liġi f’dan ir-rigward, Birdlife qalet li r-rapport tal-Gvern li t-tnaqqis ta’ kawżi fil-Qorti matul l-2013 hu indikazzjoni ta’ tnaqqis fil-kaċċa u nsib illegali ma jaqbilx mal-osservazzjonijiet li saru minnha u mill-CABS fir-Rebbiegħa u fil-Ħarifa 2013. Irrispettivament mill-pieni, hemm triq twila mill-illegalità fil-kampanja għall-Awla tal-Qorti, ittemm tgħid Birdlife.

Sadanittant, fi stqarrija oħra, l-Alternattiva Demokratika kkundannat il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa. Sostniet il-pożizzjoni tagħha kontra l-kaċċa fuq l-ghasafar waqt l-istagun li fih ikunu qed jgħammru għal raġunijiet ta’ konservazzjoni. Il-Kelliem tal-AD għad-Drittijiet tal-Annimali u l-Agrikoltura Simon Galea qal li hu tal-mistħija li din is-sena, il-qtil tal-għasafar jista’ jsir ukoll fil-Ħdud u l-Festi, b’detriment ukoll għall-pubbliku li jiġi mċaħħad milli jgawdi n-natura.

Min-naħa tagħha, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ikkundannat dak li ġara l-Ħadd li għadda. Fi stqarrija, qalet li min jispara fuq tajr protett mhux kaċċatur. L-FKNK ħeġġet lill-membri tagħha biex jirrappurtaw illegalitajiet u qalet li dawn l-individwi qed iħammġu l-isem tal-kaċċatur u n-nassab Malti.