Editorjal

Editorjal: L-inkwiet bil-qgħad u l-korruzzjoni

Nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta MaltaToday ippubblikat stħarriġ tal-fehma pubblika li staqsa lin-nies x’qed jinwetahom l-iżjed bħalissa f’dak li għaddej fil-pajjiż. U r-riżultat ta’ dan l-istħarriġ jagħti stampa interessanti wara sena ta’ gvern Laburista. Għax wara sena mindu Joseph Muscat wiegħed trasparenza u ndafa, in-nies jirriżultaw inkwetati sew bil-korruzzjoni, u wara sena mindu qal li se jżomm l-ekonomija miexja sewwa kif sabha fl-elezzjoni, in-nies inkwetati l-aktar bil-qgħad.

Il-kwistjonijiet li jispikkaw fl-istħarriġ tal-MaltaToday
Dawn huma ż-żewġ kwistjonijiet li l-aktar jispikkaw fl-istħarriġ tal-MaltaToday: il-qgħad u l-korruzzjoni. Il-qgħad hu l-aktar kwistjoni li n-nies qed jinkwetaw fuqha wara sena li fiha Muscat żied il-qgħad kontra x-xejra fil-bqija tal-Ewropa.

Żieda ta’ 500 fil-qgħad mill-elezzjoni, kontra x-xejra fl-Ewropa
L-aktar li qed jinkwetaw fuq il-qgħad huma dawk fl-etajiet bejn 35 u 55 sena li jekk jitilfu x-xogħol ikollhom diffikultà jsibu wieħed ġdid, anke jekk barra minn Malta l-qgħad nieżel, għax hawn Malta l-qgħad żdied b’500 mill-elezzjoni, minkejja li Muscat daħħal elf ruħ mal-gvern.

L-ogħla inkwiet fuq il-korruzzjoni li qatt sabet il-MaltaToday
Il-korruzzjoni wkoll toħroġ bħala kwistjoni li żiedet sew fit-tħassib tan-nies. Għax kif tgħid il-MaltaToday stess, il-korruzzjoni f’dan l-istħarriġ kellha l-ogħla inkwiet li qatt kellha fi stħarriġ tal-MaltaToday. U ma tistagħġibx.

Il-maħfra tal-korruzzjoni, il-ħatra ta’ Shiv Nair u l-akkużi gravi kontra Henley

  • Ma tistagħġibx għax għadu kemm kellna maħfra diretta minn Joseph Muscat lill-elf ruħ li xaħħmu biex serqu 100 miljun ewro f’elettriku. Muscat jaf min huma dawn l-elf, ħafrilhom il-korruzzjoni li għamlu u għad irridu naraw hux se jiġbor lura l-100 miljun li serqu.
  • Muscat ħatar biex jagħtih pariri fuq l-investiment wieħed Indjan, Shiv Nair, li hu kkundannat mill-Bank Dinji għal frodi u korruzzjoni. U tant ħatru malajr li l-konklużjoni loġika hi li Muscat kien jafu qabel l-elezzjoni, meta Muscat kien qed jirrepeti bil-mod bombastiku tiegħu li ma jagħtix kuntratti lil min kien fil-lista s-sewda tal-Bank Dinji.
  • Waħda mill-akbar deċiżjonijiet ta’ Muscat, il-bejgħ taċ-ċittadinanza, tah biex tagħmilhulu, u ddaħħal 200 miljun ewro fil-but, lil Henley & Partners li hi akkużata b’mod gravi ħafna f’pajjiżi tal-Karibew li xxaħħam partiti politiċi ħalli mbagħad, meta jitilgħu fil-gvern, jagħtuha li trid.

    Gvern ta’ ‘kulħadd jaħtaf’
    U l-inkwiet jiżdied anke għax Muscat qed jagħti l-impressjoni li n-nies ta’ madwaru daħlu fil-politika biex jaħtfu anke bi ksur tal-etika bil-barka ta’ Muscat. U Muscat stess qed idaħħal 70,000 ewro biex isuq il-karozza tiegħu stess u jagħti ħatriet bi flejjes kbar lill-ħbieb personali tiegħu, bħall-kap tal-armata, u lis-sieħba fin-negozju ta’ martu.

    Gvern li jidher imnawwar minn ġewwa bil-kompromessi moħbija ta’ qabel l-elezzjoni
    Dawk l-aktar inkwetati fuq il-korruzzjoni, skont l-istħarriġ tal-MaltaToday, huma proprju dawk li dawru l-vot fl-elezzjoni u vvutaw lil Muscat. Ivvutawlu għall-indafa u t-trasparenza li pprietka fl-elezzjoni, imma llum quddiemhom qed jaraw gvern li jidher imnawwar minn ġewwa sa mill-bidu nett bil-kompromessi moħbija li kien għamel diġà qabel l-elezzjoni.