L-Oppożizzjoni mill-ewwel żammet sod fil-prinċipju tagħha li ċ-ċittadinanza ma għandhiex tkun għall-bejgħ. Minkejja li l-Gvern qatt ma qal li hu kontra dan il-prinċipju, għażel li jressaq għall-approvazzjoni tal-Kamra abbozz ta’ liġi li bih iċ-ċittadinanza tpoġġiet għall-bejgħ.
Sostna dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament waqt li lbieraħ fil-parlament kienet diskussa l-mozzjoni tal-oppożizzjoni dwar ir-revoka tal-avviż legali dwar regolamenti dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni ma kinitx kontra dan il-prinċipju sempliċiment biex topponi iżda għaliex dejjem baqgħet temmen li ċ-ċittadinanza għandha tingħata lil min verament ikollu rabta mal-pajjiż.
Il-Gvern webbes rasu u ressaq l-abbozz li fassal mingħajr ma ħa lanqas suġġeriment wieħed minn ħafna li sarulu mill-Oppożizzjoni. Iżda lanqas laħqu għaddew 48 siegħa li l-Gvern beda jħoss l-oppożizzjoni kontra l-pass tiegħu li ma kienx ġej biss mill-Oppożizzjoni fil-Parlament iżda kien hemm l-oppożizzjoni tal-poplu. L-ewwel irtirata li għamel il-Gvern kienet dik dwar il-klawsola tas-segretezza. Oriġinarjament, l-abbozz approvat kien iżomm sigrieta l-identita’ tal-persuni li kienu se jixtru ċ-ċittadinanza.
L-Oppożizzjoni baqgħet tinsisti li l-iskema kif proposta mill-Gvern kienet qed tagħti l-impressjoni li pajjiżna hu f’xifer il-falliment. Dan ma kienx il-fatt iżda hekk kienet l-impressjoni li kienet qed tagħti l-liġi approvata mill-Gvern.
Mario de Marco qal li minbarra l-kritika lokali u internazzjonali, kien hemm ukoll il-kundanna tal-Parlament Ewropew. Dan wassal biex il-Gvern kellu jasal għal negozjati mal-Unjoni Ewropea biex jevita milli jittieħdu proċeduri kontrih.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li, wara l-ftehim mal-UE, l-Oppożizzjoni kienet lesta taċċetta li jkun rispettat dak li ġie miftiehem mal-UE.
Mario de Marco qal li filwaqt li l-Gvern jiftaħar li hu wieħed li jisma’ fil-fatt qed jaġixxi bħal wieħed li jisma’ biss mingħajr ma jagħti każ.
Il-ftehim mal-UE jistabbilixxi li persuna li għandha tingħata ċ-ċittadinanza trid tagħti prova li għamlet sena effettiva bħala residenti f’pajjiżna. L-Avviż Legali 47 li jirregola l-għoti taċ-ċittadinanza ma jagħtix definizzjoni ta’ xi tfissser residenza u wisq inqas jiċċara li trid tkun residenza effettiva.
Mario de Marco qal li l-għaqal jitlob li r-residenza għandha tkun definita b’mod ċar biex ma jitħalla ebda dubju jew li jkun hemm lok għal interpretazzjoni.
L-avviż legali lanqas ma jindika li l-ħtieġa tar-residenza tkun tapplika wkoll għad-dipendenti tal-applikant, jiġifieri għal xi qraba li l-applikant jista’ jinkludi fit-talba tiegħu għaċ-ċittadinanza.
Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni trid tagħti l-kontribut tagħha u appella biex il-membri tal-Gvern jaraw li l-proposti li qed isiru mill-Oppożizzjoni qed jagħtu aktar valur liċ-ċittadinanza u ma jħallux li l-prinċipju jkun jiddependi biss minn prezz.
Jekk il-Gvern verament jemmen fil-valur taċ-ċittadinanza maltija ma għandux iħalli li l-għoti taċ-ċittadinanza jkun jiddependi biss fuq prezz.
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-verżjoni attwali ta’ din il-liġi hi l-ħames waħda wara daqstant bidliet li saru fiha. L-Oppożizzjoni dejjem sostniet li lesta tgħin biex din l-iskema tkun waħda li verament tissarraf f’ġid għall-pajjiż.
Fid-diskussjoni fil-Parlament l-Oppożizzjoni enfasizzat li ċ-ċittadinanza ma għandhiex tkun għall-bejgħ. Fl-istadju tat-Tieni Qari u l-Kumitat, l-Oppożizzjoni wkoll matul id-diskussjoni għamlet proposti biex l-iskema tkun verament waħda ta’ investiment. Il-Gvern oppona għal kull proposta mressqa mill-Oppożizzjoni. Fit-Tielet Qari, il-Gvern reġa’ webbes rasu u baqa’ jinsisti fuq l-ewwel verżjoni tal-liġi. Din kienet tinkludi ċittadinanza sigrieta mingħajr investiment, obbligu ta’ xiri ta’ proprjeta’ u lanqas obbligu ta’ ġurnata waħda ta’ residenza.
Francis Zammit Dimech qal li hu grazzi għall-kritika tal-Oppożizzjoni li llum il-Gvern qed jippreżenta liġi b’diversi tibdiliet.
Wara l-firma tal-President, il-Prim Ministru reġa’ lura fuq id-deċiżjoni tas-segretezza u neħħa dik il-klawsola. Wara tentattiv ta’ negozjati li ma rnexxewx, saru bidliet oħra li kienu parti mill-kritika tal-Oppożizzjoni iżda ma ssemma xejn dwar obbligu ta’ residenza.
Kien hawnhekk li l-każ tqanqal quddiem il-Parlament Ewropew. Kien grazzi għal dan il-pass li l-Gvern mar jiddiskuti mal-UE.
Francis Zammit Dimech qal li kieku f’Novembru l-Gvern laqa’ s-suġġerimenti li kienu qed isiru mill-Oppożizzjoni, ma kienx ikun hemm il-ħtieġa li l-affarijiet jitwalu.
Wara d-diskussjonijiet mal-UE ġiet ippubblikata stqarrija konġunta li fiha kien enfasizzat li r-residenza għandha tkun waħda effettiva.
Francis Zammit Dimech staqsa jekk hux minnu li l-Gvern irid residenza effettiva jew iridx sempliċiment kumpanniji tal-isem. Jekk irid ċittadinanza vera, il-Gvern għandu jaċċetta l-proposti tal-Oppożizzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Gvern ikun qed jabdika minn dmiru meta jintefa’ f’dirgħajn kumpannija barranija minflok jagħmel ix-xogħol li għandu jsir mill-amministrazzjoni taċ-ċivil ta’ pajjiżna. Jista’ jkun li hemm ċerti obbligazzjonijiet lejn din il-kumpannija.
Hi xi ħaġa ma titwemminx li d-deċiżjonijiet se jittieħdu minn kumpanija barranija kif stabbilit f’numru ta’ klawsoli. Jekk dan mhux il-każ, allura l-klawsoli relattivi għandhom ikunu emendati u ċċarati. Klawsola partikolari tistabbilixxi li persuna li tista’ tkun ta’ theddida għas-sigurta’ tal-pajjiż tista’ tingħata ċ-ċittadinanza.
Jason Azzopardi qal li l-uffiċċju ta’ Henley & Partners f’Malta jinsab sular taħt l-uffiċċji ta’ Identity Malta. Hemm ukoll vantaġġi oħra li jaġevolaw lil Henley & Partners. Dawn il-vantaġġi huma stabbiliti fl-avviż legali.
Il-Gvern Malti qed jagħmilha ċara li ammont ta’ flus jinżammu bejn sitt xhur u sentejn minn Henley & Partners u jgħaddu għand il-Gvern Malti biss meta jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ ċittadinanza.
Jason Azzopardi staqsa għaliex għadu ma twaqqafx il-fond li l-Prim Ministru ftaħar kemm-il darba li se jkun mezz ta’ għajnuna f’każi soċjali, edukattivi u tas-saħħa. Hu staqsa għaliex il-Gvern qed isib diffikulta’ li jippubblika lista separata tal-persuni li jingħataw ċittadinanza permezz ta’ din l-iskema. In-nuqqas ta’ informazzjoni korretta tfisser nuqqas ta’ trasparenza.
//= $special ?>
